Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: Draw li ma kkuntenta lil ħadd

Aqra wkoll

Hamrun Spartans …1

Valletta ………..…….1

Hamrun Spartans sfaw miżmuma fi draw diżappuntanti ta’ 1-1 minn Valletta, biex hekk naqsu milli jiksbu l-punti massimi għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, wara li fil-logħba preċedenti huma temmew fi draw ta’ mingħajr goals kontra Sliema Wanderers.

Min-naħa ta’ Valletta, dan ir-riżultat kien ifisser żewġ punti mitlufa fit-tentattiv tagħhom li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni.

Kienet partita akkanita u xi kultant goffa li fiha r-riżultat seta’ mar kull naħa.

Kien biss fis-36 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota meta Jonny Torres għadda lejn Luke Montebello li x-xutt tiegħu ġie salvat b’mod spettakolari mill-goalkeeper Belti, Alessandro Guar­none.

Madankollu, fir-raba’ mi­nuta tal-ħin miżjud tal-ew­wel taqsima l-Ispartans fetħu l-iskor meta UROS DURANOVIC għeleb lil Guarnone b’xutt angolat bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka.

Fit-tieni taqsima, il-Beltin ħarġu aktar avventurużi u fit-53 minuta, Diego Cardoso xeħet cross-shot fil-baxx għan-nofs iżda Emerson Marcelina kien pront u ddevja l-ballun f’corner.

Tliet minuti wara, Valletta rebħu penalty meta  Steve Borg waqqa’ lil Diego Cradoso fit-tarf tal-kaxxa. Mill-11-il metru, Brandon Paiber ra x-xutt tiegħu jiġi salvat parzjalment minn mill-goalkeeper, Henry Bonello, biex mir-rebound sammar il-ballun fix-xibka.

Fis-70 minuta, Vallletta kienu sfortunati li ma marrux  fil-vantaġġ, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Enzo Ruiz, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda, bl-Ispartans jeħilsuha ħafif.

Bil-ħin għaddej u biż-żewġ timijiet riedu jsibu dak il-goal rebbieħ, irrenjat ftit tat-tensjoni bejn il-players b’daħliet xejn kumplimentużi.

Peró l-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jikkuntentaw b’punt kull wieħed.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Steve Borg, 7-Luke Montebello (30-Seth Paintsil 73), 10-Joseph Essien Mbong (28-Juan Carlos Corbalan 73), 12-Roko Prsa (17-Yulian Nenov 82), 14-Elionay Freitas Da Silva, 23-Uros Duranovic, 25-Ederson Bruno Domingos, 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli, 98-Jonny – Coach: Luciano Zauri

VALLETTA: : 26-Alessandro Guarnone, 3-Juan Ramires Bolanos, 6-Enzo Ruiz, 8-Omar Fernando Barrientos, 9-Adrian Santiago Ferraris, 13-Jake Azzopardi (14-Christian Cauci 78), 22-Brandon Paiber (11-Goncalo Bragnaca 78), 66-Neil Anthony Micallef, 77-Jhonnatann Benites da Conceicao (88-David Garba 67), 80-Alfred Silas (23-Milan Jezdimirovic 67), 93-Diego Cardoso (10-Shaun Dimech 71) – Coach: Juan Cruz Gill

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: James Muscat, Shaun Calleja

RABA’ UFF: Ishmael Barbara

SKORERS: U. Durabovic 45 (HS), B. Paiber 57 (V)

AMMONITI: U. Duranovic (HS), E. Ruiz, F. O. Barrientos, N. A. Micallef, J. Benites Da Conceicao, A. S, Ferraris (V)

Ekonomija

Sport