F’żewġ ittri separati li ntbagħtu fl-aħħar ġimgħat (3 u 17 ta’ Novembru) lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti, BirdLife Malta sejħet għall-attenzjoni immedjata tal-Prim Imħallef dwar il-ħtieġa urġenti li jiġi appuntat maġistrat ġdid li jieħu ħsieb kawżi relatati ma’ reati ambjentali.
Il-kawżi marbutin mar-reati ambjentali fil-qorti ġew posposti indefinittivament, issa għal aktar minn xahrejn, wara li l-Maġistrat Dr Elaine Mercieca Rizzo tneħħitilha r-responsabbiltà li tippresiedi dawn il-kawżi. Il-vojt li ħalliet t-tneħħija tal-maġistrat u d-dewmien sussegwenti biex jiġi appuntat is-sostitut tagħha qed iħalli effett fuq l-effiċjenza fl-amministrazzjoni ta’ reati ambjentali f’Malta.
L-ewwel ittra, iffirmata mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana, tispjega kif din is-sitwazzjoni mhux prevista ħolqot intopp sinifikanti, hekk kif il-każi pendenti qed ikomplu jakkumulaw. Il-kriminalità ambjentali hija theddida serja għall-wirt naturali ta’ Malta, u n-nuqqas ta’ sorveljanza ġudizzjarja jservi biss biex il-problema tkompli tiggrava.
Waqt li kompla jispjega kif BirdLife Malta tikkollabora mill-qrib mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta billi tipprovdi tagħrif kruċjali u evidenza li jwasslu biex jinqabdu u jitressqu b’suċċess il-qorti dawk li jiksru l-liġi, u anke li l-NGO ssegwi b’mod metikoluż kull każ fil-qorti, fejn tintalab tixhed diversi drabi, Mark Sultana kompla jispjega l-urġenza tas-sitwazzjoni lill-Prim Imħallef billi rrefera għal każ speċifiku.
Dan l-aħħar BirdLife Malta kienet involuta f’inċident partikolari li kien jinvolvi Fjamingu, li għadu qed jinżamm magħluq f’gaġġa sakemm il-qorti tiddeċiedi dwar il-każ. Aktar ma jgħaddi żmien u aktar ma jitwal il-proċess legali, iċ-ċansijiet li l-għasfur jibqa’ ħaj wara li jinħeles jonqsu b’mod sinifikanti. Huwa diżappuntati li kreatura bħal din tibqa’ tbati bil-possibbiltà li tmut minħabba dewmien fis-sistema tal-qorti li jista’ jiġi evitat.
Aktar minn hekk, tkompli l-ittra, din is-sitwazzjoni qed titfa’ lil Malta f’dell ikrah fuq livell tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari meta tikkunsidra li bħalissa Malta qed tiffaċċja proċeduri ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea minħabba dawk li huma meqjusa bħala nuqqasijiet fl-infurzar f’materji ambjentali. Jekk din il-kwistjoni ma tiġix indirizzata mill-ewwel, mhux biss tinħoloq immaġni negattiva għal Malta imma jiġi imminat ukoll l-impenn tal-pajjiż li jħares il-liġijiet ambjentali u l-obbligi internazzjonali.
Wara l-ewwel ittra, l-uffiċċju tal-Prim Imħallef wieġeb li mhi se ssir l-ebda sostituzzjoni tal-maġistrat qabel ma jiġu appuntati maġistrati ġodda. Din ir-risposta mhux sodisfaċenti wasslet biex intbagħtet it-tieni ittra li fiha BirdLife Malta esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha li minħabba li ħafna każi ta’ kriminalità ambjentali jkollhom perjodu qasir li fih iridu jinstemgħu, xi wħud jistgħu jispiċċaw preskritti. Ikun ħażin jekk ma ssirx il-ġustizzja mistħoqqa minħabba nuqqasijiet loġistiċi jew amministrattivi.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Prim Imħallef intalab jagħti attenzjoni immedjata lil din il-materja u jieħu azzjoni f’waqtha billi jiżgura li jiġi appuntat maġistrat ġdid li jkun inkarigat minn kawżi ta’ reati ambjentali – xi ħaġa li hi kruċjali biex tkun żgurata l-amministrazzjoni effiċjenti tal-ġustizzja u jkun hemm deterrent effettiv għar-reati ambjentali.