Thursday, October 10, 2024

KAXXA KULURI LI TPENĠINI F’ESPERJENZI TAL-ĦAJJA

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

Li kieku kelli nispjega lili nnifsi f’espressjoni waħda hija ‘kaxxa tal-crayons’. Jiena Luana, mara ta’ 33 sena, inrabbi familja, Sinoloġista, studenta ġewwa l-Universita ta’ Malta u naħdem fil-qasam tal-ambjent. Jien persuna ikkumplikata – serja kif ukoll ċajtiera; inħobb in-nies imma l-hena tiegħi nqatta’ ftit ħin waħdi.

Il-familja u l-ħbieb huma kollox għalija. Persuna li ma naqta’ qalbi qatt u niddejjaq ma nagħmel xejn. Biex nirrilassa nħobb naqbad l-ajruplan u nżur il-pajjiżi sabiex nitgħallem iktar dwarhom jew immur mixja twila qalb il-kampanja.

Mindu kont daqs naqra, ġugarell ma nħobbux imma ktieb ngħożżu. Tarani fejn tarani, dejjem bi  ktieb f’idejja. Ommi għadha tgħidli sal-lum, “Ma tistax tara ktieb li ma tkunx trid tixtrih!” Jinteressawni xelta ta’ suġġetti partikolarment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-kultura, storja, politika, lingwa u letteratura. Nistqarr li meta kelli 18-il sena, ma kontx naf fejn se nagħti rasi għax dejjem ħassejt li l-vjaġġ tiegħi fl-istudju kien għad fadallu ftit żmien sabiex jirranka. Sadanittant, studjajt u ħdimt bħala childcarer kif ukoll ħdimt fix-xena politika. Bdejt minn żgħira u nħares lura lejn dawn l-esperjenzi bi tbissima. Snin fejn kelli nuqqas ta’ rqad imma tħoss sodisfazzjon kbir meta tkun qlajt grazzi jew prosit.

Matul dan l-istess żmien, persuna li għandi ammirazzjoni kbira lejh kien inkoraġġieni nibda nistudja l-lingwa Ċiniża għaliex seta’ jara b’għajnejh stess il-passjoni u l-imħabba li jien għandi lejn l-Asja u l-kulturi diversi li toffri.

Dan kien sitt snin ilu u llum qed nikteb teżi f’livell ta’ Masters, fejn qed nispeċjalizza fil-Lettaratura Moderna Ċiniża b’interess partikolari fil-poeżija. Ħafna jistaqsuni minn fejn ġibtha din l-imħabba lejn pajjiż li kont għadni qatt ma żort.

Jien stess ma nafx nispjegaha. Erbaħt żewġ boroż ta’ studju kemm fiċ-Ċina kif ukoll fil-Ġappun; għext u studjajt man-nies ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi u jkolli nammetti li għalkemm fil-bidu ħassejtha diffiċli biex nidra l-kulturi ferm differenti minn tiegħi, illum inqis kemm iċ-Ċina u kemm il-Ġappun bħala t-tieni dar tiegħi. 

Suġġett ieħor li llum tant irbatt ma’ qalbi huwa l-ambjent u l-immaniġjar tal-iskart. Suġġett li ma kont naf assolutament xejn dwaru sa ftit xhur ilu u llum qed inqatta’ sigħat nirriċerka soluzzjonijiet ta’ kif nistgħu nżommu l-ambjent ta’ madwarna nadif. 

L-artikli tiegħi se jkunu diversi bħal kuluri diversi li ssibu fil-kaxxa tal-crayons.

Sport