Wednesday, March 27, 2024

IL-ĠURNALIŻMU: IR-RABA’ PILASTRU TAD-DEMOKRAZIJA F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Bħala l-ewwel blog tiegħi f’Talk.mt xtaqt immiss suġġett li ftit jew wisq jolqot lil kulħadd u li smajna ħafna fuqu fix-xhur u s-snin li għaddew.

Fil-midja, l-messaġġ li jasal għand il-qarrej jew is-semmiegħ, minn kwalunkwe ġurnalista jew kontributur, huwa importanti li jkun fih kontenut veritier, u tajjeb ukoll li l-ġurnalista fl-artiklu ppubblikat minnu jkun għamel riċerka tajba fuq dak li jkun qed jippublika.

Permezz t’hekk il-ġurnalista jista’ jissejjaħ professjonali fix-xogħol tiegħu, meta dak li jkun ippubblika ikun skjett. Ir-riċerka li jagħmel ġurnalist hija l-qofol għal dan kollu u importanti li s-sorsi ikunu ta’ min wieħed joqgħod fuqhom.

L-obbligi tal-ġurnalist huma li jwassal il-messaġġ b’mod li jkun fih kontenut veritier u li l-messaġġ ikun affidabli, sabiex minn ikun qed jaqrah jirċievi informazzjoni korretta, spekulazzjonijiet ma jgħinux, anzi jwasslu għal proċessi li ħadd ma jieħu gost bihom. Huwa fl-obbligu tal-ġurnalista li lill-qarrej ma jiżbilanċjaħx f’dak li jkun preżentalu.  Importanti wkoll li l-messaġġ jasal b’mod prattiku u li jkun jifhmu kulħadd. 

L-irwol tal-ġurnalista fis-soċjetà huwa ta’ importanza kbira, għaliex il-pubbliku ikun infurmat biss b’dak li twassalu il-media. Jekk għal raġunijiet varji, il-ġurnalista jwassal informazzjoni skorreta, il-pubbliku se jiġi żbilanċjat. Ukoll f’dan l-istadju tidħol il-persuna li jekk ikun il-każ, l-artiklu jkun inkiteb fuqha.

F’ċirkostanzi bħal dawn jidħlu liġijiet li jissalvagwardjaw lill-persuna inkwistjoni u jista’ jkun hemm każi fejn tintalab assistenza legali għax il-konetnut mwassal ma jkunx korrett. F’dan il-każ tidħol dik li tissejjaħ il-malafama, fejn il-persuna titlob li isimha jiġi mnaddaf minn dak li jkun inkiteb fuqha. 

Ressaqt dan il-punt għad-diskussjoni għax ħassejt il-ħtieġa li kelli nagħmel aċċenn fuq dan. Il-persuna li tkun qed tiġi deskritta mill-ġurnalisat, għandha dinjitaà bħal kull persuna oħra fid-dinja, għalhekk huwa importanti li kulħadd jiġi rispettat.

Nagħlaq billi nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil dawk il-ġurnalisti kollha li jagħmlu xogħolhom b’għaqal u responsabbilità, irrelevanti mil-liema qasam soċjali jew politiku ġejjin. Infakkar biss li isbaħ mill-verità ma teżistix, u huwa dan il-kunċett li jagħmilna nisa u rġiel rispettati fis-soċjetà.

Dr Katya De Giovanni; Psikologa u Kandidata fuq ir-Raba’ Distrett

Ekonomija

Sport