Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li fl-1 ta’ Settembru 2024 se jidħlu fis-seħħ l-emendi leġiżlattivi fl-Att fuq il-Kirjiet Residenzjali Privati, kif ukoll ir-Regolamenti tal-2024 dwar il-Limitazzjoni fuq in-Numru ta’ Residenti li jistgħu jokkupaw dar mikrija.
Il-Ministru stqarr li dawn l-emendi huma mnebbħa mill-prinċipji li jħaddan dan il-Gvern; prinċipji ta’ dinjità u stabbiltà, u se joffru serħan il-moħħ kemm lis-sidien kif ukoll lill-inkwilini. Il-Ministru spjega kif fl-2020 kien dan li Gvern li ħa pożizzjoni b’saħħitha u għall-ewwel darba f’pajjiżna ddaħħlet liġi li tirregola l-kirjiet residenzjali privati. “Bħala Gvern ma waqafniex hemm iżda studjajna s-settur, iddjalogajna mal-imsieħba soċjali, smajna l-esperjenzi tas-sidien u l-inkwilini u issa se jidħlu fis-seħħ dawn l-emendi leġiżlattivi”, sostna l-Ministru.
“Dan il-Gvern mhux ħa jibqa’ lura milli jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Għalhekk se nkunu stretti fejn jidħol overcrowding fi djar użati minn xi inkwilini (shared) f’kirjiet residenzjali privati. B’din il-liġi, il-Gvern se jirregola din is-sitwazzjoni billi jiddetermina n-numru ta’ residenti li jistgħu jgħixu b’kirja fl-istess dar, skont id-dikjarazzjoni tas-sid waqt ir-reġistrazzjoni tal-kuntratt,” sostna l-Ministru Galdes.
Il-Ministru fakkar li din il-liġi ma tapplikax għall-familji. Huwa kompla jispjega li f’każ li residenza għandha żewġ (2) kmamar tas-sodda u minimu ta’ kamra tal-banju waħda (1), erba’ (4) residenti biss huma permessi. F’każ li n-numru ta’ kmamar tas-sodda jitla’ għal tlieta (3), in-numru ta’ residenti permessibbli huwa limitat għal sitta (6). F’każijiet ta’ eċċezzjonijiet fejn hemm djar li għandhom aktar minn tliet (3) kmamar tas-sodda, il-liġi hija wkoll ċara f’dan ir-rigward.
Kirjiet li jkunu bdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi jibqgħu regolati mil-liġijiet kif kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-bidu tal-kirja. Filwaqt li kirjiet li jibqgħu fis-seħħ sal-wieħed u tletin t’Awwissu tas-sena elfejn u ħamsa u għoxrin (31/08/2025), irrispettivament mid-data tal-bidu tal-kirja, għandhom ikunu konformi ma’ dawn il-liġijiet.
Il-liġi se tkun ukoll qiegħda tissimplifika l-proċessi relatati mat-tiġdid espress, is-sostituzzjoni tal-inkwilin, iż-żieda fl-inkwilini u t-terminazzjonijiet kunsenswali bejn is-sid u l-inkwilin.
Il-Ministru Galdes kien ċar li l-ebda abbuż mhu se jkun ittollerat. “Permezz ta’ dawn l-emendi se nkomplu nsaħħu t-Taqsima tal-Infurzar sabiex jitnaqqsu l-abbużi u f’każ ta’ abbuż se jiġu segwiti proċeduri tal-liġi.”
L-Awtorità tad-Djar se tingħata s-setgħa li tamministra penali amministrattivi f’każijiet fejn persuna tinstab ħatja ta’ reat. Dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jwasslu sabiex jekk il-persuna akkużata ma tħallasx il-piena amministrattiva f’wieħed u għoxrin (21) jum, dik il-persuna titressaq fil-Qorti Kriminali u f’każ ta’ ħtija tista’ teħel multa sa massimu ta’ €10,000.
“B’din il-liġi mhux biss se nkunu qegħdin insaħħu d-dmirijiet u d-drittijiet tas-sidien u l-inkwilini, iżda ukoll niżguraw serħan il-moħħ lill-ġirien ta’ postijiet b’kirjiet residenzjali privati.” Il-Ministru appella lill-pubbliku sabiex ikun parti minn din il-mixja u f’każ ta’ ksur tal-liġi għandu jagħmel rapport fuq is-sit tal-Awtorità tad-Djar: https://housingauthority.gov.mt/.
Il-Ministru enfasizza li se jkun qiegħed isaħħaħ ir-reġistru ta’ sidien u inkwilini li ma jonorawx id-deċiżjoni tal-Panel tal-Arbitraġġ jew tal-Qorti. Permezz ta’ dan ir-reġistru s-sidien u l-inkwilini li jkunu se jidħlu f’kuntatt ta’ kirja residenzjali privata ser ikollhom il-faċilità li jiċċekkjaw jekk il-persuna li deħlin fil-ftehim magħha tkunx fil-lista.
“Inħarsu ’l quddiem sabiex inkomplu nsaħħu l-qasam tal-kera residenzjali privata, inħarsu l-bżonnijiet tal-lum u t’għada tas-sidien, l-inkwilini u tal-istess suq, kif ukoll inkomplu niżguraw kwalità ta’ ħajja għolja għall-poplu tagħna”, ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa stqarr, “Dawn l-emendi huma konferma ta’ proċess ħaj u sensittiv għar-realtajiet li għandna f’pajjiżna. Bħala Awtorità tad-Djar kommessi li nassiguraw futur stabbli għall-komunitajiet tagħna.”