Friday, November 22, 2024

“Kien jgħid lil ommi li se jkissrilha l-għadam u joqtolha”

Tixhed it-tifla l-kbira tal-vittma u tal-akkużat waqt il-ġuri li qiegħed jinstema quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera

Aqra wkoll

Matul il-ġurnata kompla l-ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn raġel ta’ 56 sena residenti Birkirkara jinsab akkużat li 13-il sena ilu pprova joqtol lil martu billi taha 6 daqqiet ta’ sikkina.

Kien f’Mejju tal-2011 meta f’residenza f’Birkirkara kien inqala argument fejn apparti mart l-akkużat kienet weġġgħet ukoll omm il-vittma li dak iż-żmien kellha 66 sena. Hija kienet weġġgħet ħafif wara li pprovat tipproteġi lil bintha.

Ir-raġel qed iwieġeb mhux ħati għal disa’ kapi ta’ akkużi.

Hekk kif il-Prosekuzzjoni kompliet tressaq ix-xhieda tagħha, it-tifla ż-żgħira tal-vittma u anke tal-akkużat qalet li ma tridx tixhed f’dawn il-proċeduri għax ma tħossix komda tixhed kontra missierha.

Iżda mhux l-istess it-tifla l-kbira li għażlet li tixhed. Qalet li għexet għal żmien twil għand in-anna għax fil-familja kien hemm problemi kbar. Xehdet li minħabba li missierha kien isawwat lil ommha u anke lilha, spiċċat bi tfulija ma tantx sabiħa.

It-tifla li llum għanda 37 sena kienet emozzjonata ħafna waqt ix-xhieda tagħha fejn qalet li missierha kellu problema kbira tal-alkoħol u meta kien jisker kien jinfexx fihom. It-tifla qalet li missierha heddidha kemm-il darba li kien se joqtolha. Tgħid li darba fost l-oħrajn sabitu ma’ wiċċha fi stabbiliment f’Paceville u heddidha li kien se jitfagħha mill-gallarija għal isfel tal-istess stabbiliment.

Dwar t-theddid li kien isir fuq ommha, ix-xhud qalet li missierha kien jgħidilha li kien se jkissrilha l-għadam kollu f’ġisimha u wara joqtolha.

Ix-xhud komplit tgħid li dakinhar tal-każ hija kienet xogħol u hekk kif ċemplet lil ommha semgħet li kienet imbezza’. Qalet li hekk kif waslet lura d-dar rat lill-missierha dieħel f’karozza tal-pulizija.

It-tifla tgħid “Qalbi ħebbritni” filwaqt li xehdet li kienu l-pulizija li qalulha li ommha kienet ġiet attakkata allegatament minn missierha. Waqt li nfaqgħet tibki f’awla, it-tifla kompliet tixhed li xħin rat lil ommha l-isptar kienet kważi mejta. “Ħsibtha mejta u n-nanna qaltli provat tgħinha kemm tista’” żiedet ix-xhud.

Hi qalet li hekk kif marret lura għand in-nanna sabet xena makabra. Xehdet li d-demm ma ried jinqala b’xejn minn mal-ġitan u minn mal-art. Ix-xhud qalet li llum tista’ titkellem u tixhed f’dan il-ġuri grazzi għan-nannu li għenha toħroġ minn din it-trawma filwaqt li hi stess ħadmet fuqha nnifisha.

Ix-xhud kompliet tgħid li hi tiftakar sew li missierha waqt li kien ma’ ommha kien f’relazzjoni ma’ mara oħra. Hija qalet li kienu għamlu 3 rapporti fil-konfront ta’ missierha, iżda ma tafx jekk kinitx ittieħded xi tip ta’ azzjoni.

Xhud ieħor kien il-ħabib tal-vittma li qal li kien magħha f’Wied iż-Żurrieq. Qal li meta kienu flimkien fil-karozza raw lill-eks raġel tagħha. Xehed li hu beda miexi fid-direzzjoni tagħhom,mar għan-naħa tal-bieba tal-mara u prova jiftaħha iżda ma rnexxilux għax kienet imsakkra.

Il-ħabib kompla jgħid li waqt li kienu sejrin lura lejn id-dar waqfu f’ħanut tat-tyers biex jiġbru l-karozza tal-vittma, fejn hemm ukoll reġgħu lemħu lill-akkużat. Kien hawn li l-ħabib tal-vittma staqsih għaliex qed isegwihom, bl-imputat jiċħad u jitlaq minn fuq il-post.

Dakinhar huma kienu marru jagħmlu rapport l-għassa dwar dak li ġara. Qal li wara wassalha d-dar, ftit sigħat wara, rċieva telefonata li l-akkużat kien daħal fid-dar ta’ ommha, il-mara u ħebb għaliha b’sikkina.

Xehdet ukoll il-ħabib ta’ waħda mit-tfal. Hija qalet li dakinhar tal-każ omm il-vittma kienet ħarġet tiġri ‘l barra mid-dar filwaqt li bdiet tgħajjat ““Ara xi ġralna”. Żiedet li fuq il-post rat ukoll lill-akkużat miexi lil hinn mid-dar.

Fost ix-xhieda fil-ġuri mressaq mill-Prosekuzzjoni kien hemm uffiċjal tal-Pulizija mara li eskortat lill-vittma mix-xelter għall-Qorti minħabba proċeduri li l-mara stess kienet fetħet kontra l-akkużat. Hija xehded li hekk kif ħarġet lill-vittma mill-awla sabiex joħorġuha mill-binja tal-Qorti, l-akkużat kien qed jistenna fil-kurutur u qabad jheddidha u jgħidilha “Jien lilek mhux hawn insibek, imma barra”.

Fost ix-xhieda kien hemm ukoll appreżentanta tax-xelter Dar Merħba Bik. hija qalet li l-vittma kienet ilha separata 14-il sena u huwa xorta waħda kellu kontroll fuqha. Qalet li kien isegwiha u anke jheddidha.
“Mhux l-ewwel darba li ġie wara l-bieb tax-xelter” qalet ix-xhud. Huwa kien jheddidha li la toħroġ mix-xelter ser “jitfagħha f’siġġu tar-roti u jirbaħ ikla ħabs minn fuqha”.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kenneth Camilleri u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia waqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Alexandra Mamo, qed tidher għall-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport