Wednesday, October 9, 2024

Kif kien, kif inhu llum u x’jirrikjedi

Ix-xogħol tradizzjonali tal-iskarpan

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-ħolqien taż-żraben “ta’ kuljum” li kien isir mill-bidu sal-aħħar fl-antik, inqata’. F’intervista li se tkun ippubblikata għada fuq IT-TORĊA l-iskarpar George Balzan ta’ “Vogue Shoe Repair” fil-Ħamrun, qal li s-sengħa ta’ skarpar ta’ dari u llum, xi ftit jew wisq, għadha l-istess. Spjega li, “id-differenza hija li qabel kienu jaħdmu aktar bl-idejn u x-xogħol kien aktar diffiċli għax fl-antik iż-żraben kellhom il-qiegħ tal-ġild. Kienu jħitu bl-idejn mentri llum nużaw il-lastiku u kollox bil-kolla. Jekk tħit trid taħdem bil-makna. Il-makni li kienu jeżistu qabel ukoll fosthom is-Singer. Jien għandi makna antika li żgur għandha aktar minn 100 sena. Din li naħdem biha biex ninkkolla għandha mad-90 sena”.

Il-makna tal-iskarpar mhiex makna tal-ħjata normali li ssib fid-djar. Din għandha tip ta’ katusa apposta li tinfilsa fiha ż-żarbuna biex tkun tista’ tagħmel il-ħjata meħtieġa. Barra minnhekk, jintuża ħajt aktar b’saħħtu. Ix-xogħol tal-iskarpar jinvolvi ħafna l-użu tax-xfafar biex jinqata’ qiegħ ġdid ta’ żarbun; u tintuża għodda partikolari li jixkatlaw biha.

George juża kemm materjal artab, kif ukoll materjal iebes bħalma huwa dak tas-sopra takki. Huwa speċifika li f’din il-parti tax-xogħol, wieħed irid toqgħod attent u jagħraf juża x-xafra sewwa. Dan għax hemm bżonn li tintuża ċerta saħħa minħabba li l-materjal “filli jkun iebes u filli jibdel b’periklu li x-xafra tista’ tiġi għalik”.

Ix-xogħol ta’ skarpar huwa proċess sħiħ. Biex jinbidel qiegħ ta’ żarbun irid jitneħħa l-antik, titnaddaf il-kolla l-ħażina, tiġi inkollata darbtejn il-ġdida, jinxef u mbagħad jiġi xkatlat. Għal biċċa xogħol fuq il-lastiku George jitlob ftit ħlas. Mentri, ix-xogħol fuq is-sopra takki, sakemm ma jikkomplikax ruħu x-xogħol, jieħu ftit sekondi. George urina wkoll kif jissaħħaħ jew jerġa’ jitweħħel qiegħ ta’ żarbun b’materjal iebes. B’apparat apposta huwa jdaħħal iż-żarbuna u jsammar l-imsiemer b’tali mod u manjiera li tgħawġu fuq ġewwa. B’hekk, awtomatikament, l-imsiemer biex ma jaffetwawx lil min jilbes iż-żarbun.

F’din is-snajja’ jintuża materjal differenti li jinkludi sopra takki ta’ kull tip u daqs, lakstu, imsiemer, kolla tas-sħana, spag li jinħit bl-idejn, ħajt b’saħħtu, biċċiet tal-ġild u r-reksin. Minħabba li l-ġilda tiswa ħafna flus u hawn George ġibed l-attenzjoni li biċċa ġilda ġieli tiġik mal-€150, jintuża aktar il-materjal tat-tip reksin.

Sport