Wednesday, April 24, 2024

Kif nikkontrollaw il-logħob virtwali eċċessiv ta’ wliedna

Il-logħob virtwali attwat b’responsabbiltà għandu ħafna pożittiv, iżda fl-istess ħin għandna nilqgħu għad-danni li ġġib magħha l-eċċessività - Jikteb Kayne Said - Maniġer għal Komunikazzjoni, Fondazzjoni Logħob Responsabbli / [email protected]

Aqra wkoll

Uliedek għandhom id-delizzju tal-lo­għob virtwali? Taj­jeb! Imma qed taħseb li qegħ­din iqattgħu ħin eċċessiv waqt tali attività? Normali li taħseb dan! Għan ewlieni tal-Fondazzjoni hu li jitressqu pariri żgħar imma siewja lill-ġenituri hemm barra biex kemm jista’ jkun jinħoloq dak il-famuż bilanċ, speċjalment f’każijiet fejn tkun qed tirrenja l-eċċessi­vità li taf twassal għal riperkussjonijiet fiżiċi, soċjali, konjittivi u mentali.

Ippjanaw u ssettjaw screen time limits li jkunu ċari għal kulħadd. Stabilixxi regoli biex jitnaqqas il-ħin quddiem l-iskrin waqt dan il-logħob. Iddeċiedi kemm sigħat ulie­dek se jqattgħu quddiem l-iskrin u żomm nota ta’ dan il-ħin fil-ġimgħa, fejn hekk tkun qed toħloq rutina biex uliedek isibu ħin għal kollox! Dan il-limitu ovvjament irid ikun ibbażat skond l-età, l-istadju tal-iżvilupp u l-bżonnijiet speċifiċi.

Elimina dak li nsejħulu Background TV … tinstallax tele­viżjonijiet jew skrins b’consoles fil-kmamar ta’ wliedek jekk għadhom taħt l-età.

Tgħallem ħu pjaċir waqt il-ħin tal-logħob ma’ wliedek, interessa ru­ħek dwar it-tip ta’ logħob li qed jilagħbu u saħansitra sib ħin biex tilgħab logħob virtwali magħ­hom. Għallem lil ulie­dek il-paċenzja li jistennew jekk toħroġ logħba ġdida u jkunu jriduha. Inkoraġixxi l-attività fiżika li ma tirrekjedix skrins. Ippjanaw attivi­tajiet oħrajn li ma jinkludux skrins ġewwa d-dar bħal qari, tpinġija, board games. Dawn l-attivitajiet jgħinu lit-tfal jiżviluppaw kreattività, ħsieb kritiku u abbiltajiet ta’ problem-solving.

Agħmel moniteraġġ kontinwu tal-attività, permezz ta’ parental controls fuq l-apparat. Kun af ma’ min qed jilagħbu u x’tip ta’ lingwaġġ qed jintuża. Għarraf lil ulie­dek jagħrfu mumenti ta’ cyberbullying u ħeġġiġhom jikkomunikaw u anke jekk hemm bżonn jirrapportaw.

Dejjem agħti eżempju quddiem uliedek u dej­jem aqsam ħsibijietek ma’ ġenituri oħrajn biex dejjem iżżomm ruħek aġġornat bl-aħħar informazzjoni u aħbarjiiet.

Sadanittant ħeġġeġ lil ulie­dek biex jinqatgħu mit-teknoloġija għal siegħa, jum jew saħansitra ġimgħa u agħtihom premju xieraq jekk jirnexxilhom jagħmlu dan.

Jekk ġenitur iħossu li għandu bżonn aktar informazzjoni f’dan ir-rigward jista’ jagħmel użu mil-linja ta’ sapport nazzjonali 1777, jew inkella jagħmel użu miċ-chatline fuq il-websajt tagħna www.rgf.org.mt.

Ritratt: TIMA MIROSHNICHENKO (PEXELS.COM)

Sport