Saturday, November 16, 2024

Konkluż proċess ieħor ta’ xiri ta’ sede ta’ soċjetà mużikali oħra li kienet f’riskju ta’ żgumbrament

– tgawdi mill-aħħar ftehim ta’ xiri s-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija

Aqra wkoll

Il-Gvern ikkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tas-Soċjetà Sant’ Andrija ta’ Ħal Lija, u b’hekk telgħu għal 10 l-ammonti ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li l-Gvern ikkonkluda b’mod definittiv il-proċess ta’ xiri.

Din il-proprjetà tingħaqad ma’ disa’ binjiet oħra okkupati minn soċjetajiet mużikali diversi, jiġifieri s-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, s-sede tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi u s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha jaħdmu dawn is-soċjetajiet.

Fl-istess waqt hemm żewġ proprjetajiet oħra minn fejn jaħdmu soċjetajiet mużikali oħra li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju dwarhom mas-sidien privati tagħhom. Dawn it-total ta’ t-tnax-il soċjetà kollha kienu f’riskju serju ħafna u impellenti ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s-soċjetajiet mużikali fl-irħula u bliet tagħna għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji. Huwa qal li ħafna drabi huma dawn il-persuni attivisti fi ħdan is-soċjetajiet mużikali li jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali, u l-ġid soċjali fid-diversi komunitajiet.

“Dawn l-għaqdiet jiddependu ħafna fuq l-ispazji li jokkupaw biex iwettqu xogħolhom b’mod effettiv fil-qalba tal-komunitajiet u għalhekk żgumbrament kien mhux biss jipperikola serjament l-operat tagħhom iżda wkoll jhedded l-eżistenza tagħhom. Is-soċjetajiet mużikali huma element kruċjali fl-organizzazzjoni u l-ħidma ewlenija tal-festa rispettiva”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

“Għalhekk, kien essenzjali i li nieħdu miżuri proattivi biex nipproteġu lill-każini bħas-sede ta’ dan li akkwistajna llum. Xogħolna mhuwiex biss li nissalvagwardjaw il-kapaċità u t-talent ta’ dawn in-nies, imma irridu nkomplu nsostnu l-valuri fundamentali tad-diversità u l-espressjoni kulturali għal futur b’iktar kultura fih”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €3,600,000. B’kollox il-Gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tal-għaxar proprjetajiet imsemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis iż-żewġ proprjetajiet l-oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarhom.

Ekonomija

Sport