Friday, April 19, 2024

KONSUMATURI JISTGĦU JITOLBU RIFUŻJONI TA’ DEPOŻITU LI MHUWIEX RIMBORSABBLI?

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Meta jkunu qed jordnaw xi prodott jew servizz, ħafna drabi l-konsumaturi jintalbu jħallsu depożitu jew li jagħmlu ħlas bil-quddiem. Normalment, il-bejjiegħa jinfurmaw lill-konsumaturi li dawn il-pagamenti mhumiex rimborsabbli jekk jiddeċiedu li ma jipproċedux jew ma jkomplux bil-kuntratt tax-xiri. 

Kundizzjoni bħal din normalment tkun imniżżla wkoll fil-kuntratt tax-xiri li l-konsumaturi jkunu  mitluba jiffirmaw sabiex juru li jaqblu magħha. Iżda, klawżoli bħal dawn jistgħu jiġu inklużi fil-kuntratti tax-xiri? Il-liġi tal-konsumatur kif tipproteġi lill-konsumaturi f’dawn is-sitwazzjonijiet?

Minkejja li klawżola tkun imniżżla fil-kuntratt tax-xiri, dan ma jfissirx li din tkun legalment infurzabbli. Iċ-ċirkostanzi li fihom il-bejjiegħa jkunu jistgħu jżommu d-depożitu jew ħlas li l-konsumaturi jkunu għamlu bil-quddiem għandhom ikunu ġusti u legali. Anke l-ammont ta’ depożitu mħallas għandu jiġi kkunsidrat.

Jekk il-konsumaturi jiddeċiedu li jħassru l-kuntratt tax-xiri, normalment, il-bejjiegħa huma intitolati li jżommu jew jitolbu ammont li hu ekwivalenti għat-telf li jkunu ser isoffru ladarba tiġi kkanċellata l-ordni. Dan jista’ jkun jinkludi spejjeż li diġa’ ġew imġarrba jew anke telf ta’ profitti.

Barra minn hekk, tajjeb li wieħed ikun jaf li l-liġi tal-konsumatur tqis bħala termini kuntrattwali inġusti kundizzjonijiet li jimponu penali fuq il-konsumaturi jekk jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom u dawn il-penali jkunu sporporzjonati meta mqabbla mal-valur tal-prodott jew servizzi mixtrija.

Termini li jippermettu lill-bejjiegħa li jżommu somom imħallsa mill-konsumaturi f’każ li dawn jikkanċellaw il-kuntratt tax-xiri, mingħajr ma jagħtu ċ-ċans li l-konsumatur jingħata kumpens ekwivalenti mingħand il-bejjiegħ jekk dan tal-aħħar ikun li jikkanċella l-kuntratt tax-xiri, ukoll jistgħu jitqiesu bħala termini inġusti.

Meta kuntratt tax-xiri jiġi konkluż, dan ifisser li ż-żewġ partijiet iridu jimxu miegħu. Meta jkun il-konsumatur li jiddeċiedi ma jonorax il-kuntratt tax-xiri, il-bejjiegħ jista’ jimponi penali raġjonevoli u ġustifikat. Jekk mill-banda l-oħra, ikun il-bejjiegħ li ma jkunx jista’ jipprovdi l-prodott jew is-servizz skont il-kuntratt tax-xiri, il-konsumaturi jistgħu jagħżlu mhux biss li jħassru l-ordni u jitolbu rifużjoni totali tal-flus imħallsa, iżda jistgħu jżommu lill-kummerċjant responsabbli għal kwalunkwe spejjeż żejda li jidħlu fihom minħabba l-kanċellazzjoni li tkun saret.

Din ir-responsabbiltà u dan l-obbligu għar-rifużjoni tad-depożitu ma jistgħux jitneħħew meta l-konsumaturi jiġu mitluba biex jiffirmaw termini u kundizzjonijiet li jnaqqsulhom id-drittijiet legali tagħhom. Kundizzjonijiet bħal dawn ukoll huma kkunsidrati bħala inġusti u ma jistgħux jiġu nfurzati legalment mill-bejjiegħa.

Meta jiġu evalwati kemm huma ġusti it-termini kuntrattwali, il-liġi tal-konsumatur tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt tax-xiri. Dawn iċ-ċirkustanzi jikludu s-setgħa ta’ negozjar taż-żewġ partijiet, jekk il-konsumaturi kinux soġġetti għall-pressjoni żejda biex jiffirmaw il-kuntratt tal-bejgħ u jekk il-bejjiegħ ikunx ħa vantaġġ min-nuqqas t’għarfien jew ta’ ħila tal-konsumatur.

Terminu kuntrattwali jista’ jiġi meqjus ukoll bħala inġust meta dan joħloq żbilanċ sinifikanti bejn id-drittijiet u d-dmirijiet taż-żewġ partijiet għad-detriment tal-konsumatur. Iżda, jekk il-kuntratt tax-xiri jkun jinkludi terminu wieħed biss inġust, dan ma jfissirx li l-kuntratt kollu hu inġust. F’każijiet hekk, il-kuntratt jiġi invalidu biss jekk ma jkunx jagħmel sens wara li jitneħħa dak it-terminu inġust minnu.

Fil-qosor, termini kuntrattwali li jikkonċernaw depożiti mhux rimborsabbli jistgħu jkunu inklużi f’kuntratti tax-xiri jekk il-konsumaturi jkunu infurmati b’dawn it-termini b’mod ċar qabel ma jiffirmaw il-kuntratt tax-xiri u sakemm l-ammont tad-depożitu ma jkunx sproporzjonat.

Is-somom ta’ flus li jżommu l-bejjiegħa meta l-konsumaturi jikkanċellaw il-kuntratt tax-xiri għandhom jirriflettu telf u spejjeż li l-bejjiegħ ikun daħal fihom. Jekk il-konsumaturi jħossu li dan l-ammont mhuwiex ġustifikat u ma jilħqux ftehim mal-bejjiegħ, dawn jistgħu jfittxu l-assistenza tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għall-aktar informazzjoni.

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.

Claire Micallef

Uffiċjal għall-Informazzjoni

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Sport