Sunday, May 5, 2024

Kuntratt (!) tat-telekommunikazzjoni

Aqra wkoll

Dan l-aħħar inqagħlet il-kwistjoni dwar il-kuntratti ta’ waħda mit-tliet kumpaniji tat-telekommunikazzjoni dwar żieda fil-prezz tal-kuntratt.

Importanti li niftakru li kuntratt hu dokument li jorbot lil dawk li jkunu mdaħħlin fih bl-obbligi u d-drittijiet li jkunu ftehmu fuqhom. Kuntratt komuni jibqa’ jgħodd kif jindika l-kuntratt u ħadd mill-partijiet involuti m’għandu dritt jibdel xejn jekk mhux bi ftehim mal-partijiet l-oħra.

Imma jekk nieħdu l-kuntratti tal-kumpaniji tat-telekommunikazzjoni nsibu li l-kumpanija għandha dritt li tibdel kull parti tal-kuntratt bil-kundizzjoni li l-konsumatur ikollu dritt li joħroġ mill-kuntratt mingħajr ħlas fi żmien xahar. L-inġustizzja hi li filwaqt li l-kumpanija għandha dritt li tibdel il-kuntratt dan id-dritt ma jeżistix għall-konsumatur għaliex jekk jagħmel hekk ikollu jħallas somma flus.

Tajjeb li nkunu nafu li din daħlet fil-liġi Maltija minħabba Direttiva tal-UE. Għalhekk la l-Gvern ma jista’ jibdel din il-liġi u lanqas l-awtoritajiet ma jistgħu jieħdu passi. Illum nafu li hemm pressjoni mill-għaqdiet tal-konsumaturi fil-BEUC fuq l-UE biex il-konsumatur jieħu wkoll dan id-dritt li joħroġ mill-kuntratt mingħajr spejjeż. L-isfortuna hi li bil-burokrazija li għandha l-UE, żgur li rridu nistennew xi għaxar snin oħra biex issir, jekk issir.

Ma hemm l-ebda garanzija li din ser issir minħabba l-pressjoni qawwija li jagħmlu dawn il-kumpaniji sew fuq l-UE, sew fuq il-Membri Parlamentari Ewropej u anki fuq il-gvernijiet. Mhux talli hekk, imma issa hemm żviluppi li ser ikomplu jagħfsu lill-konsumatur.

Biss f’Malta s-sitwazzjoni hi aktar ikkumplikata minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni li hawn f’dan is-settur. Din is-sitwazzjoni ġġib lill-konsumatur f’pożizzjoni fejn m’għandu l-ebda għażla u jkollu jaċċetta l-isfruttament ta’ dawn il-kumpaniji.

Malta reġgħet taħt il-lenti

Is-sena d-dieħla ser ikollna l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – Parlament li minħabba li aħna pajjiż żgħir ma tantx għandna influwenza. Kull ma għandna huma sitt membri meta l-Parlament Ewropew fih ‘il fuq minn seba’ mitt membru Parlamentari. Li kieku wħud mill-Membri Parlamentari Ewropew Maltin ma humiex attivi , li kieku Malta lanqas biss tinstema. L-isfortuna hi li l-partiti politiċi Ewropej l-akbar interess li għandhom hu li jkollhom numru kbir ta’ MEPs li jissapportjawhom biex huma jkollhom influwenza kbira speċjalment fil-ħatriet tal-uffiċjali għolja sew tal-Parlament u sew tal-Kummissjoni Ewropea. L-interess taċ-ċittadini hu wieħed mill-anqas interessi li għandhom.
Hu għalhekk li meta jkun hemm xi Membru Parlamentari Ewropew li jsemmu pajjiżhom, il-Parlament Ewropew jieħu passi u jqajjem storbju biss meta l-gvern ta’ dak il-pajjiż ma jkunx membru ta’ dak il-partit li għandu maġġoranza.

Ma tantx trid tfittex biex tittendi dan. Jekk nieħdu lil Malta, peress li l-partit tal-Gvern Malti mhux membru tal-akbar partit Ewropew – il-Partit Popolari Ewropew – kull meta xi MEP jikkritika lil Malta, mal-ewwel jippruvaw iqajmu storbju li m’għandniex demokrazija.

Pajjiż li jikkuntrasta ma Malta hu l-Greċja. Ilum il-partit tal-gvern Grieg hu membru tal-Partit Popolari Ewropew u għalhekk jagħmel x’jagħmel hu protett u ma jkollu l-ebda kritika. Tul din l-aħħar sena fil-Greċja kien hemm żviluppi li huma karatteristiċi ta’ stati dittatorjali. Il-Gvern kien xtara programm diġitali mill-Iżrael biex ikun jaf ċerti nies x’qed jagħmlu, ma min ikunu qed jitkellmu, x’ikunu qed jgħidu, fejn ikunu eċċ, eċċ. Fost in-nies li l-Gvern Grieg kien qed jara kull pass li jagħmlu, kien hemm sew il-Kap tal-Oppożizzjoni u sew Membri Parlamentari Griegi.

Imma la l-partit tal-Gvern Grieg hu parti mill-Partit Popolari Ewropew, la kien hemm kritika mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kummissjoni Ewropea. Mhux talli hekk, imma lejlet l-elezzjoni l-Kap tal-PPE u oħrajn marru biex jgħinuh u dan is-sajf il-President tal-KE, von der Leyen qed tqatta’ l-vaganza tas-sajf mal-Prim Ministru Grieg. Mur ara li kieku l-Gvern Malti jibda jispjuna fuq in-nies u l-Oppożizzjoni, l-Ewropej terrimot kienu jaqilgħu!

L-infurzar tal-Liġi

L-infurzar tal-liġi hu xi ħaġa li fil-kultura Maltija hu dgħajjef. Minn dejjem konna hekk u dan kien fattur li jkompli jżid mal-persistenza li l-poplu Malti hu wieħed korrott.

Fortunatament, dan l-aħħar kien hemm ċaqliqa mhux ħażin, għalkemm kienet limitata għal żewġ awtoritajiet. L-ewwel ma bdiet kienet it-Trasport Malta li espandiet il-kontroll tat-traffiku. Dan il-kontroll żdied sew. Mhux talli żdiedu l-ispezzjonijiet tal-karozzi imma anki l-penali ta’ meta xi ħadd jinqabad li kien qed jikser il-liġi. Nisperaw li dan l-infurzar ikompli jiżdied peress li l-aċċidenti fit-traffiku hu wieħed għoli. Dan l-infurzar tat-traffiku ser inaqqas l-inċidenti imma b’mod moderat għaliex parti mit-tort tal-inċidenti hu l-ammont kbir tat-traffiku li għandna fit-toroq żgħar u limitati.

It-tieni żieda ta’ infurzar kienet fil-bini. Meta żdied l-infurzar, l-aċċidenti naqsu mhux ħażin. Dan juri li dawn l-aċċidenti huma minħabba n-nuqqas ta’ ħafna kuntratturi tal-bini li jagħlqu għajnejhom għas-sigurta’ tal-ħaddiema. Għalhekk hu importanti li l-infurzar mhux biss jibqa’ fil-livell ta’ issa, imma jiżdied.

Hi ħasra li ħafna Awtoritajiet għadhom ma bdewx jiċċaqilqu. Il-Gvern hu fl-interess tiegħu u tas-soċjeta’ li jippressa lill-Awtoritajiet li jaraw li l-liġijiet kollha huma infurzati. L-isfortuna hi li ħafna min-nies għadhom mhux jirrealizzaw li huma l-Awtoritajiet li għandhom dan il-poter u mhux il-Ministri.

Sport