Thursday, March 28, 2024

L-AĠ “trid aktar żmien” biex tiddeċiedi jekk l-imputati jitpoġġewx taħt att ta’ akkuża

Ikompli l-każ tal-El Hiblu

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra t-tliet ġuvintur rigward il-każ tal-El Hiblu 1, il-Qorti ġiet infurmata li l-Avukat Ġenerali għad trid tiddeċiedi jekk l-imputati – Abdalla, Amara u Kader – għandhomx jitpoġġew taħt att ta’ akkuża b’rabta ma’ akkużi dwar it-terroriżmu.

It-tliet ġuvintur, li huma ġejjin mill-Kosta tal-Avorju u mill-Guinea, jinsabu akkużati li ħatfu l-vapur li kien salvahom. Abbord il-vapur kien hemm ukoll 108 persuni oħra.

L-awtoritajiet Maltin akkużaw lit-tliet żgħażagħ li mexxew dak li fil-bidu kien ġie deskritt bħala inċident ta’ piraterija, u akkużawhom b’reati serji, uħud taħt leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu. It-tliet żagħżagħ qegħdin jiċħdu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom.

L-Ispettur tal-Pulizija tal-Prosekuzzjoni waqt il-proċess inizjali kkonferma li ma kien hemm l-ebda vjolenza fiżika mill-irġiel fl-inċident. L-Ispettur xehed li minkejja dan kien hemm theddida ċara tagħha. Huwa xehed ukoll li imigrant li jitkellem bl-Ingliż qal lill-Kaptan li l-imigranti kienu se jagħmlu ħsara lill-vapur li kienu abbord fuqu u li se jweġġgħu lilhom infushom.

Il-Kaptan kien sostna li l-ekwipaġġ kien issakkar fuq ġewwa tal-vapur u l-imigranti bdew jaġixxu b’mod aggressiv. Fil-kumpilazzjoni tal-lum issemma kif jeżistu traskrizzjonijiet tal-Kaptan jipprova jitlob l-għajnuna permezz tar-radju, fejn qal lill-awtoritajiet Maltin li l-bastiment kien “taħt attakk ta’ piraterija”. Fl-istess waqt kompla jgħid li xi membri tal-ekwipaġġ kienu weġġgħu.

Il-Korpi Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, Amnesty International u Sea Watch fost oħrajn, kemm-il darba talbu lill-awtoritajiet Maltin biex iwarrbu l-akkużi, iżda s’issa l-awtoritajiet irreżistew din it-talba.

Quddiem dak li f’dan l-istadju jista’, f’kuxjenza tajba, jiġi deskritt biss bħala evidenza kbira li t-talba tal-piraterija kienet esaġerazzjoni, l-Avukat Ġenerali tinsab indeċiża dwar jekk għandhiex takkuża liż-żgħażagħ jew le.

Il-Maġistrat Nadine Lia osservat li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien ippreżenta nota fejn talab għal aktar żmien sabiex jiddeċiedi jekk it-tlett irġiel jitressqux taħt l-att ta’ akkuża jew le.

Il-Prosekuzzjoni, f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija, qed titmexxa mill-Ispetturi Jeffrey Cutajar u Omar Zammit.

L-akkużati qegħdin jiġu assistiti mill-avukati Gianluca Cappitta, Cedric Mifsud u Neil Falzon.

Il-każ mistenni jkompli f’Ġunju.

Ekonomija

Sport