Thursday, April 18, 2024

L-AĦĦAR ĠIMGĦA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Naturalment, l-aħħar ġimgħa ta’ kampanja elettorali tkun l-aktar waħda mqanqla, b’kulħadd fuq ix-xwiek. Dan jiġri anke jekk kulħadd ikun jaf li l-istorja fatta. Aktar u aktar f’din il-kampanja li tmexxiet minn kulħadd qisha kienet kronaka ta’ rebħa mħabbra. Imma xorta…

Kollox ma’ kollox, kellna preżentazzjonijiet ċari u ċivili ta’ numru ta’ għażliet kbar fit-tmexxija tal-pajjiż, anke jekk ċerti għażliet importanti oħra tħallew barra. Ukoll, il-kampanja twaddbet fid-dell mill-gwerra li vara l-President Putin fl-Ukrajna. Imma xorta temi lokali biex ma ngħidilhomx parrokkjali baqgħu jitqanqlu u jiġu ripetuti.

B’mod moħbi se jkun hemm iċ-ċaqliq ta’ voti bejn il-kandidati fid-distretti differenti. Għalkemm anke hawn ftit jew wisq, l-andament ikun iċċara sew, aktar u aktar bl-istħarriġ tal-opinjoni li saru jagħmlu l-kandidati. Imma xorta għandha tibqa’ l-ħeġġa sal-aħħar mument biex kull vot li jista’ jintrebaħ personalment ma tħallihx jiżgiċċa.

***

REFUĠJATI

Mill-ġdid, l-Ewropa qed taffaċċja kriżi tar-refuġjati, did-darba minn nies ta’ ġens Ewropew. Il-pajjiżi li rrifjutaw refuġjati ftit tas-snin ilu, jinsabu fil-qalba tal-mewġa ta’ nies ġodda li qed jaslu mbikkma mil-lvant u qed jagħtuhom kull appoġġ – kemm bħala gvern, kemm bħala poplu.

Diffiċli tgħid kif din il-ġrajja se tiżviluppa. X’aktarx li mhijiex se tkun bħal meta r-refuġjati waslu mil-Lvant Nofshani. Tqanqal fond ta’ simpatija lejn ir-refuġjati tal-lum. Nittamaw li mhux ġej minn sentimenti razzisti, daqskemm minn għarfien ta’ kemm il-gwerra ta’ Putin qed tiġi miġġielda qrib iċ-ċentru tal-Ewropa. Jista’ jkun hemm il-ħsieb fost ħafna li jekk ir-refuġjati tal-lum se jibqgħu għat-tul “fostna”, se jsibuha ħafna aktar faċli jintegraw fis-soċjetajiet Ewropej minn dawk li waslu qabilhom. Biss, in-numru ta’ refuġjati mill-Ukrajna qed jilħaq livelli bla preċedent, ’il fuq minn żewġ miljuni u nofs.

***

INDUSTRIJA U MANIFATTURA

Żmien ilu, mhux daqstant bogħod, meta ngħidu “industrija” konna nifhmu manifattura, jiġifieri l-produzzjoni ta’ oġġetti f’fabriki. Mhux aktar. Il-kelma “industrija” llum tirreferi għal ħidma f’setturi ekonomiċi differenti, inklużi servizzi finanzjarji.

Fiż-żmien li qed insemmi, kulħadd kien jifhem li l-liġijiet u r-regolmenti li kienu jiddaħħlu biex jippromwovu l-iżvilupp industrijali – kif kien jissejjaħ – kienu intenzjonati għall-manifattura. Ma narax li l-użu tal-lum hu bidla għall-aħjar anke jekk wieħed jaqa’ lura għall-formola – what’s in a name?

B’industrija/manifattura konna nifhmu proċess komplikat li jimpjega numru sostanzjali ta’ nies f’azjenda waħda, b’investimenti u tagħlim ta’ snajja ta’ produzzjoni, li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti. Dan ma jistax jingħad għal ħafna attivitajiet li jsiru fostna biex joħolqu ġid (?) purament finanzjarju, li saru jissejħu industriji. 

Ekonomija

Sport