Tuesday, May 14, 2024

L-aħħar preparament għall-Festa Frawli l-Ħadd li ġej

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imġarr ħabbru l-attività ta’ ‘Festa Frawli 2023’ li tiċċelebra l-frotta tal-frawli li titkabbar fl-għelieqi tar-raħal pittoresk tal-Imġarr u tal-madwar. Din il-festa se ssir nhar il-Ħadd 16 ta’ April, bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar, madwar il-lokalità tal-Imġarr stess. Din l-attività tittella’ kull sena mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr, b’ta din is-sena tkun l-14-il edizzjoni. Din il-festa ilha ssir kull sena mis-sena 2007, minbarra sentejn konsekuttivi minħabba l-pandemija.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr tal-ħidma tiegħu sabiex sena wara sena jibqgħu jorganizzaw din l-attività soċjo-kulturali li tattira kemm ir-residenti u kif ukoll it-turisti lokali. “L-irwol tal-Kunsill Lokali mhuwiex li jieħu ħsieb l-indafa fil-lokalità jew biex jagħmel manutenzjoni fi spazji miftuħa biss, għaldaqstant huwa ta’ sodisfazzjoni li nara Kunsilli Lokali jsostnu elementi differenti mill-kultura u s-soċjetà tagħna, bħal prodott agrikolu Malti,” saħqet is-Segretarju Parlamentari.

“Il-festa tal-frawli bdiet bħala esperiment wara li l-Kunsill Lokali għamel riċerki u sab li l-frotta tal-frawli kienet ilha titkabbar u tinbiegħ fl-Imġarr miż-żmien is-seklu ħmistax, għalhekk ħassejna li għandna nibdew din il-festa biex nippromwovu l-agrikoltura wiesgħa li joffri dan ir-raħal,” spjega s-Sindku tal-Imġarr Paul Vella.

Waqt din il-festa ser ikun hemm diversi bankarelli jbiegħu kemm frawli u kif ukoll diversi prodotti tal-ikel magħmulin mill-frotta tal-frawli. Ser ikun hemm ukoll artisti lokali u koki professjonali jsajru riċetti bil-frawli. Nicole Muscat ta’ sittax-il sena, bint bdiewa mill-Imġarr li jkabbru l-frawli, qalet li dakinhar tal-festa jkun ta’ sodisfazzjoni għalina l-bdiewa li naraw in-nies jitpaxxew bil-prodott tagħna u jagħtuna l-kuraġġ biex inkomplu naħdmu u nkomplu nipproduċu prodotti lokali.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġet lil poplu Malti u Għawdxin sabiex jilqa’ s-sejħa tal-Kunsill Lokali u jattendi għal din il-festa sabiex inkomplu nsaħħu l-aspett soċjo-kulturali fil-komunitajiet tagħna.

Għal aktar informazzjoni fuq l-attività, wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali ta’ Festa Frawli https://festafrawli.com/.

Sport