‘Persuni li Jagħmlu Differenza’ hija l-azzjoni ċentrali ta’ programm ta’ inizjattivi li ser ikun qiegħed iwettaq l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jimmarka l-Ġimgħa Ewropea tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, bejn id-19 u t-23 ta’ Ottubru.
L-inizjattiva tagħti l-opportunità lil kull min jaħdem l-ajruport, inklużi partijiet terzi li jaħdmu fuq proġetti ta’ kostruzzjoni, li jinnomina lil kollegi li jmorru lil hinn minn dak mistenni minnhom sabiex jitħarsu s-saħħa, is-sigurtà u l-benessri tal-oħrajn. Dawn l-ambaxxaturi tal-benessri ser jiġu rikonoxxuti fi tliet kategoriji, wara li ssir evalwazzjoni tan-nominazzjonijiet sottomessi minn panel immexxi mill-Professur Luke Fiorini miċ-Ċentru għall-Istudji dwar ix-Xogħol tal-Università ta’ Malta.
L-opportunitajiet sabiex l-impjegati tal-Kumpanija jipparteċipaw b’mod attiv fuq il-post tax-xogħol ġew imfaħħrin waqt proċess ta’ verifika indipendenti li wassal lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex fl-2025 kien l-ewwel ajruport fl-Unjoni Ewropea li kiseb iċ-ċertifikazzjoni ISO 45003.
Matul is-sena, l-impjegati jingħataw diversi opportunitajiet sabiex jikkontribwixxu għal post tax-xogħol aħjar, fosthom permezz ta’ parteċipazzjoni f’focus groups, billi jsemmgħu leħinhom fl-istħarriġ annwali dwar is-saħħa u s-sigurtà, u jipparteċipaw f’elezzjonijiet li permezz tagħhom jintgħażlu rappreżentanti tal-impjegati fi kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà.
L-impjegati jingħataw ukoll appoġġ sabiex jagħżlu stili ta’ ħajja aktar sani u bbilanċjati permezz tal-benefiċċji tal-Programm għall-Benessri tal-Impjegati. Dawn jinkludu aċċess għal gym, kura tal-għajnejn bla ħlas, għotja annwali li tista’ tintuża fuq affarijiet ta’ saħħa u benessri, u għażla ta’ frott imwassla fl-uffiċċji. Barra minn hekk, membri tat-tim li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli jistgħu jfittxu l-għajnuna mill-Caritas u r-Richmond Foundation, grazzi għal ftehim li għandha l-Kumpanija ma’ dawn l-organizzazzjonijiet.
Aktar kmieni din is-sena, il-Kumpanija introduċiet il-programm Healthy Habits, li permezz tiegħu l-impjegati għandhom aċċess għal pariri professjonali dwar in-nutrizzjoni u bidliet għal stil ta’ ħajja aħjar, kif ukoll sessjonijiet ta’ moviment fuq il-post.
Bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ lill-Ministru għall-Ippjanar, l-Infrastruttura u x-Xogħol, l-Onorevoli Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Dr Josianne Cutajar, u ċ-Chairman tal-board tal-istess awtorità, is-Sur Pierre Fava, li ddiskutew l-inizjattivi tas-saħħa, is-sigurtà u l-benessri tal-Kumpanija.
