Friday, May 3, 2024

L-aktar nies emarġinati fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet fil-PE ma’ Cyrus Engerer

Aqra wkoll

“Il-Parlament Ewropew hu ta’ kulħadd u b’kulħadd madwar il-mejda li jista’ jkollna l-aqwa liġijiet”, qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt konferenza li organizza fil-Parlament Ewropew mal-ogranizazzjoni Nobody Left Outside. “Din il-laqgħa kienet wieħed mill-isbaħ mumenti matul il-mandat tiegħi fil-Parlament Ewropew” qal Engerer, “għaliex miegħi fuq il-panel kien hemm ex-drogat u ex-priġunier, sex worker, persuna trans,  persuna posittiva għall-virus HIV, peruna homeless u immigrant li qed jingħata refuġju fl-Ewropa fejn flimkien tkellimna dwar kif kulħadd għandu jkollu aċċess għall-qasam tas-saħħa – inkluż l-iktar nies emarġinati fis-soċjetà.”

Matul id-diskussjoni b’kollegament bil-video Hans Kluge, d-dirretur reġjonali tal-Għaqda dinjija tas-saħħa, faħħar l-inizjattiva tal-MPE Laburista Cyrus Engerer biex iġib lil kulħadd fil-Parlament Ewropew biex jiġi diskuss kif fil-qasam tas-saħħa ħadd ma għandu jitħalla barra.

Engerer tella din il-konferenza flimkien mal-organizzazzjoni volontarja, Nobody Left Outside, li taħdem sabiex isservi bħala leħen għal dawk li ħafna mid-drabi jisfaw mhux mismugħa ta’ kuljum; għal dawk li leħinhom mhux għal kulħadd jimporta għaliex huma f’minoranza. Fosthom dawn jinkludu persuni li għandom vizzji tad-droga, nies li jaħdmu fl-industrija tas-sess, membri tal-komunita’ LGBTIQ, immigranti u ex-priġunieri fost l-oħrajn. “Dawn in-nies huma ħafna mid-drabi vittmi ta’ problemi tas-saħħa serji, iżda imbagħad huma wkoll l-iżjed nies li jsibuha diffiċli jaċċessaw servizzi tas-saħħa fl-Ewropa meta jkollhom bżonnhom”, qal Engerer.

“Irrid inkompli nitfaħ il-Parlament Ewropew għan-nies. Kulħadd għandu sehem x’jagħti madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet”, saħaq Engerer.

Matul id-diskors tiegħu Engerer saħaq li apparti s-saħħa fiżika, trid tingħata wkoll importanza lis-saħħa mentali. “Persuni vulnerabbli u fil-marġini tas-soċjetà jesperjenzaw ħafna iktar stigma, solitudini u jħossu li ma jkunux qegħdin jifthemu mill-maġġoranza tas-soċjetà. Għalhekk wasal iż-żmien għal strateġija Ewropea dwar is-saħħa mentali li tagħti każ lil kulħadd”, qal Engerer.

Engerer ikkonkluda l-konferenza bil-kliem ta’ Ġuże Ellul Mercer, li kif qal Engerer lill-udjenza preżenti fost ċapċip kbir qiegħed imnaqqax fuq il-ħajt tad-daħla taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, “li kull min twieled bniedem, għandu jgħix ta’ bniedem u biex jgħix ta’ bniedem, kull min twieled jeħtieġ jitgħallem ta’ bniedem, jaħdem ta’ bniedem, u jiekol ta’ bniedem.” Engerer żied “u bl-istess mod għandu jkollu aċċess għal servizzi ta’ saħħa ta’ bniedem sew jekk hu drogat, priġunier, persuna HIV positive, persuna trans, immigrant, bniedem bla saqaf fuq rasu, u anke ħaddiem fl-industrija tas-sess”.

Sport