L-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel ilbieraħ filgħaxija ġiet mgħarrfa mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana dwar vann li wasal Malta minn Sqallija, li kien qed iġorr diversi prodotti tal-ikel. Il-vettura kienet telqet mill-Albanija u għaddiet minn Sqallija qabel waslet Malta.
Wara din in-notifika, uffiċjali tal-Awtorità wettqu spezzjoni tal-vettura u tal-kontenut tagħha. Wara li saru l-verifiki meħtieġa, instab li kwantità ta’ prodotti tal-ikel, fosthom laħam, jogurt, snacks, ġobon, żejt taż-żebbuġa, soft drinks, fażola, bajd, alkoħol, melħ u meraq tal-frott, ma kinux konformi mar-regolamenti applikabbli tas-sigurtà tal-ikel. Il-prodotti nstabu li kienu qed jiġu ttrasportati f’temperaturi mhux xierqa u/jew mingħajr it-tikkettar uffiċjali meħtieġ. Barra minn hekk, id-dokumenti essenzjali ta’ traċċabbiltà kienu neqsin.
Minħabba dawn in-nuqqasijiet, il-prodotti ġew issiġillati immedjatament u se jiġu meqruda biex tiġi mħarsa s-sigurtà tal-ikel, is-saħħa pubblika u l-integrità tal-industrija lokali.
L-Awtorità nnutat ukoll li ma ġietx infurmata minn qabel dwar il-wasla ta’ din il-konsenja, kif mitlub mil-leġiżlazzjoni lokali.
L-Awtorità tfakkar lill-kummercjanti kollha li huma obbligati bil-liġi li jirreġistraw mal-Awtorità u li jinfurmawha mill-inqas 48 siegħa qabel id-dħul f’Malta ta’ kwalunkwe annimal, ikel, għalf jew pjanti. Dan l-obbligu japplika wkoll meta dawn il-prodotti joriġinaw minn ġewwa l-Unjoni Ewropea.
L-Awtorità tenfasizza li se tibqa’ viġilanti u se tieħu azzjoni soda kontra kwalunkwe operatur li jipprova jinnegozja dawn il-prodotti mingħajr in-notifika meħtieġa, skont ir-Regolamenti dwar l-ikkummerċjar tal-2004.
L-Awtorità tixtieq tirringrazzja lill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana tal-kollaborazzjoni tagħhom u tal-azzjoni fil-pront f’dan il-każ.

