Wednesday, April 24, 2024

L-EWWEL XHUR TA’ GVERN LABURISTA

Aqra wkoll

Kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali matul il-Kampanja Elettorali li għaddiet, nistgħu ngħidu li l-Gvern Laburista wettaq dak kollu li kien imfassal li jagħmel fl-ewwel jiem ta’ tmexxija ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministri, Is-Segretarji Parlamentari u t-tim li aħna nappartjenu fih bħala Parlament sħiħ, ħdimna qatigħ biex nagħtu lill-poplu dak li kien imwiegħed lilu. B’hekk tajna ħajja aħjar lil dawk li kienu ilhom jistennew riformi li jseħħu sabiex ikollhom futur isbaħ, kif fil-verità jixirqilna.

Dawn l-ewwel xhur fil-Parlament, għalija kienu esperjenza ġdida u unika, fejn matulhom ħassejt li stajt nagħmel dak li dejjem xtaqt nagħmel, dak li ntejjeb il-ħajja tal-persuni. Fost oħrajn iddiskutejna t-tema tal-femiċidju, tema li kienet ta’ prijorità fuq l-aġenda, u kien ferm essenzjali li din il-liġi tidħol fis-seħħ, sabiex nagħtu messaġġ ċar li ebda vjolenza fuq il-mara fuq bażi ta’ ġeneru mhijiex aċċettabbli. Iż-żmien li l-mara tibqa’ tkun imkasbra spiċċa, għalkemm l-abbużi jibqgħu u sfortunatament insibu u ħa nibqgħu nsibu min jabbuża, pero d-dinjità tal-persuna għanda tkun fuq l-istess binarju bħal tar-raġel u għaldaqstant min iwettaq xi forma ta’ reat irid iħallas għal għemilu skont il-liġi. Ta’ min ifakkar li din il-liġi li tittratta l-femiċidju fil-kodiċi kriminali, għaddiet mill-Parlament fil-bidu nett ta’ din il-leġislatura. Dan hu sinjal ċar kemm dan il-Gvern qed jieħu interess f’dak li hu ta’ prijorità u wkoll illi dak li jwiegħed iwettqu.

Emenda oħra fil-liġi, kienet dik tal-IVF, fejn permezz tagħha aktar koppji li għandhom bżonn dan it-tip ta’ trattament se jsibu lill-Gvern bħala spalla sabiex huma wkoll ikollhom il-possibiltà li jkollhom it-tfal. Fost diversi emendi li saru hemm iż-żieda fl-etajiet ta’ dawk eleġibbli li jingħataw dan it-trattament. Kemm hija ħaġa sabiħa li permezz ta’ dan il-proċess aħna nistgħu ngħidu li aħna favur il-ħajja u li l-interess ewlieni tagħna huwa li nkomplu ngħinu koppji li għandhom bżonn dan it-trattament. Dan qabel ma kienx possibbli iżda grazzi għall-investiment minn Gvern Laburista, li hu gvern li għandu għal qalbu l-familja, urejna biċ-ċar li l-ħajja hija prijorità. Din l-emenda fil-liġi tal-IVF ġiet approvata mill-Parlament b’66 vot favur u 3 voti kontra. Dan il-vot ittieħed sabiex tkun imwettqa l-wegħda ma’ dawk li kienu qegħdin jistennewha. Dan huwa Gvern li tista’ tafda fuq il-kelma li jkun wiegħdek, Gvern b’ruħ soċjali, li l-interess prinċipali tiegħu huwa l-poplu.

Issa li l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf, aħna bħala membri parlamentari bqajna għaddejjin bil-ħidma tagħna fil-kumitati, ħidma li ma taqta’ xejn biex intejbu l-ħajja tan-nies. La nerġgħu nidħlu lura fil-Parlament, se nkunu qegħdin naħdmu fuq emendi u liġijiet oħrajn, sabiex inkomplu nwettqu l-manifest elettorali u nkomplu nżommu mal-wegħdiet, sabiex inkunu Gvern b’ruħ soċjali u biex verament nagħtu lill-poplu Malti dak li jixraqlu; futur sabiħ għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

Sport