Friday, December 27, 2024

L-FKNK tilqa’ r-rieda tal-PM fid-difiża tal-insib għal skop ta’ riċerka

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) mistennija tieħu azzjoni dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib għal skop ta’ riċerka billi tirreferi d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li japplika d-deroga lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  Fl-opinjoni tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) din il-mossa tal-KE hija instigata mill-BirdLife Malta u l-grupp mill-Ġermanja l-CABS.  Dawn għadhom ma jistawx jaċċettaw is-suċċess ta’ din ir-riċerka għas-sempliċi raġuni li qegħda jsir min-nassaba u mhux minnhom, u minkejja li din ir-riċerka hija kkundizzjonata b’ħafna restrizzjonijiet, għal kuntrarju tal-privileġġi li jgawdu madwar 20 ‘bird-ringer’ tal-BirdLife Malta fir-riċerka simili li jagħmlu bl-istess mezzi u manjeri, kif jixhdu ż-żewġ tabelli mehmuża.

Għaldaqstant, il-FKNK tilqa b’sodisfazzjon ir-rieda politika soda tal-Prim Ministru Robert Abela, li waqt l-indirizz li għamel fis-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima, COP 26, irrefera għal din ir-riċerka bħala eżempju tal-interess kostanti tal-pubbliku fl-ambjent naturali; kif ukoll għad-determinazzjoni tal-Gvern Malti li se jkun qiegħed jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Malta u jispjega, anke fil-Qorti jekk meħtieġ, għaliex għandu d-dritt japplika din id-deroga għar-riċerka.  Għalhekk ukoll, u minkejja l-ostakoli kollha li qegħdin joħolqu għar-riċerka l-BirdLife Malta u l-CABS, il-FKNK se tibqa toffri l-għajnuna esperta, teknika u legali tagħha, fuq bażi lokali u Ewropea lill-Gvern fid-difiża tar-riċerka b’kull mezz għad-dispożizzjoni tagħha.  Peress ukoll, li huwa fatt mhux ikkontestat, li Malta, bħal kull pajjiż membru ieħor tal-UE għanda dritt tapplika deroga mid-Direttiva tal-“Għasafar”.

L-FKNK tenniet li s-suċċess tar-riċerka huwa evidenti mill-bosta filmati li diversi nassaba qegħdin jibgħatu kemm lill-FKNK kif ukoll lill-awtoritajiet konċernati rigward l-andament tar-riċerka.  Eżempju tipiku jidher fil-filmat li qiegħed jakkompanja din l-istqarrija, fejn naraw Ekra li nqabdet f’dawn il-ġranet minn nassab u li kellha ċurkett mill-Italja.  Id-dettalji taċ-ċurkett ġie ddokumentat u l-Ekra reġgħet inħelset fis-selvaġġ.

Ekonomija

Sport