Saturday, December 21, 2024

L-IMF: IT-TKABBIR EKONOMIKU TA’ MALTA SE JIBQA’ FOST L-OGĦLA FL-EWROPA

Aqra wkoll

L-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) taw ċertifikat pożittiv ieħor għall-ekonomija Maltija. Fl-analiżi tagħhom, huma sostnew li “Malta esperjenzat tkabbir notevoli f’dawn l-aħħar 10 snin” filwaqt li qed jantiċipaw li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna “se jibqa’ fost l-ogħla fl-Ewropa”.

F’kummenti fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ din l-analiżi tal-IMF dwar l-istrateġija ta’ tkabbir ta’ pajjiżna li hija mibnija fuq il-produttività għal aktar kwalità.

L-esperti tal-IMF qed ibassru li t-tkabbir ekonomiku għal din is-sena mistenni jkun ta’ 5%, kif indikat ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar jiem, filwaqt li għas-sena d-dieħla, it-tkabbir se jkun fil-livell ta’ 4%.

Huma saħqu wkoll li dan it-tkabbir b’saħħtu kien xprunat mill-ħidma mwettqa minn bosta ħaddiema barranin u ż-żieda fit-turisti. Sostnew li dan qed iwassal għal pressjoni fuq l-infrastruttura tal-pajjiż.

Fir-rigward tal-inflazzjoni, intqal li din mistennija tkun stabbli fil-livell ta’ 2% sa nofs l-2025. Barra minn hekk, l-esperti tal-IMF laqgħu wkoll l-impenn tal-awtoritajiet lokali f’dak li jirrigwardja l-konsolidament fiskali.

Ir-rapport tal-IMF jirrakkomanda wkoll li jitneħħew is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija, bl-attenzjoni prinċipali għandha tkun fuq l-investiment u l-innovazzjoni għal tkabbir sostenibbli fit-tul.

B’rabta mal-viżjoni Malta 2050, intqal li din għandha tistabbilixxi d-direzzjoni strateġika fit-tul ta’ pajjiżna, li tiffoka fuq l-infrastruttura, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-sostenibilità ambjentali.

F’dan ir-rigward, l-esperti tal-IMF qalu li l-iżvilupp ta’ qafas fiskali fit-tul huwa kruċjali għat-tisħiħ tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika u l-allinjament tal-ippjanar fiskali mal-prijoritajiet strateġiċi.

Ekonomija

Sport