L-Imħallef Edwina Grima se tkompli tindirizza lill- ġurati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, hekk kif il-proċess joqrob lejn l-aħħar fażi tiegħu u lejn il-mument li fih il-ġurati jintbagħtu jiddeliberaw.
Fl-ewwel jum tal-indirizz tagħha, Grima bdiet billi tfakkar lill-ġurati fir-rwol tagħhom bħala l-imħallfin tal-fatti, filwaqt li saħqet li huma għandhom jiddeċiedu biss fuq il-provi li effettivament tressqu quddiemhom u mhux fuq dak li setgħu jaħsbu li kellu jiġi investigat jew ippreżentat. Hija għamlitha ċara wkoll li ħadd, lanqas hi stess, ma għandu jinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom.
L-Imħallef imbagħad għaddiet għall-prinċipji legali ewlenin li għandhom jiggwidawhom, fosthom il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-fatt li l-piż tal-prova jaqa’ fuq il-Prosekuzzjoni, u li ħtija tista’ tiġi stabbilita biss jekk il-każ jiġi ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Hija spjegat ukoll kif għandhom jevalwaw il-kredibbiltà tax-xhieda, il-provi tal-esperti u l-provi ċirkostanzjali.
Grima spjegat ukoll iż-żewġ akkużi li fuqhom il-ġurati jridu jagħtu żewġ verdetti separati: il-kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-assoċjazzjoni ma’ persuni oħra bil-għan li jitwettaq reat. Saħqet li ż-żewġ akkużi għandhom jiġu eżaminati separatament, skont l-elementi legali meħtieġa għal kull waħda minnhom.
Wara l-ispjegazzjonijiet legali, l-Imħallef bdiet tirrevedi l-provi li nstemgħu tul kważi xahrejn ta’ ġuri. Fost il-punti li reġgħet għaddiet minnhom kien hemm ix-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija, l-eżekuturi tal-qtil, il-pjan oriġinali biex Caruana Galizia tinqatel b’arma tan-nar qabel ma ntgħażlet bomba, Melvin Theuma, Keith Schembri, ir-recordings, l-ittra miktuba bl-idejn u diversi elementi forensiċi u tekniċi.
Fost l-aktar twissijiet ċari tagħha, Grima indirizzat ukoll l-argument tad-Difiża dwar dik li sejħet “l-id moħbija” wara l-assassinju. “Qalulkom li dan huwa ġuri tal-id moħbija. Jien ngħidilkom le,” qalet, filwaqt li saħqet li l-ġurati ma jistgħux jispekulaw dwar provi li setgħu tressqu jew linji investigattivi li setgħu ġew segwiti. Id-deċiżjoni tagħhom trid tkun ibbażata fuq il-provi li effettivament semgħu fil-Qorti.
Hija wissiethom ukoll biex iwarrbu kull simpatija jew antipatija lejn il-vittma, l-akkużat jew ix-xhieda, u biex jaslu għall-konklużjoni tagħhom biss abbażi tal-provi u l-buon sens.
Meta mbagħad bdiet tirrikapitola l-provi, Grima reġgħet għamlitha ċara li s-sommarju tagħha ma għandux jieħu post dak li ftakru huma mill-ġuri. “Intom l-imħallfin sovrani tal-fatti,” qaltilhom, filwaqt li fakkritilhom li jista’ jkun hemm dettalji li huma qabdu mix-xhieda iżda li ma jinsabux fin-noti tagħha.
L-indirizz tal-Imħallef mistenni jkompli llum bir-rikapitulazzjoni tal-bqija tax-xhieda u tal-provi, qabel il-ġurati eventwalment jirtiraw biex jiddeliberaw u jiddeċiedu l-verdett fil-konfront ta’ Fenech.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Yorgen Fenech qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Gianella de Marco u Gianluca Caruana Curran. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.
Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.


