L-investiment fl-edukazzjoni huwa wieħed mill-aktar investimenti importanti li pajjiż jista’ jagħmel, għaliex ikun qed jinvesti direttament fil-futur ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ. Edukazzjoni ta’ kwalità tagħti l-għodda, il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jibnu ġejjieni aħjar għalihom infushom u jikkontribwixxu b’mod pożittiv mhux biss ekonomikament imma wkoll lejn il-benesseri tas-soċjetà nġenerali.
Għalhekk, huwa essenzjali li l-investiment ma jkunx biss fil-bini u l-infrastruttura tal-iskejjel, iżda wkoll fl-għalliema u l-letturi, fit-teknoloġija, fir-riżorsi edukattivi u, fuq kollox, fl-istudenti nfushom. Kull student illum għandu l-opportunità daqs ħaddieħor li jirnexxi, irrispettivament mill-isfond soċjo-ekonomiku tiegħu jew mid-diffikultajiet li jista’ jkun għaddej minnhom.
Insemmu biss il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela kompla jagħti prova li l-edukazzjoni tinsab fil-qalba tal-ħidma tal-Gvern, b’żieda ta’ €20,000 fil-fond għall-kapijiet tal-iskejjel, sabiex ikunu jistgħu joffru aktar għajnuna lil studenti li ġejjin minn sitwazzjonijiet ma tantx feliċi.
Din mhijiex biss żieda fil-fondi, imma hija miżura li turi viżjoni ċara, dik li l-ebda tifel jew tifla m’għandha titħalla taqa lura minħabba ċ-ċirkostanzi diffiċli tal-familja tagħha. B’dan, il-Gvern qed jagħti aktar għodod lill-iskejjel biex ikunu jistgħu jidentifikaw il-bżonnijiet tal-istudenti u jintervjenu fejn ikun hemm bżonn.
F’pajjiż li qed ikompli jikber u jiżviluppa, huwa kruċjali li l-progress ekonomiku jissarraf f’aktar opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Ħadd ma jista jgħid li mhux hekk qed jiġri f’pajjiżna, għalhekk l-investiment fl-edukazzjoni jidher li se jkun wieħed kontinwu u ambizzjuż.
Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed jagħżel li jkompli jinvesti fit-tfal, fil-familji u fil-futur ta’ Malta. Dan għaliex l-edukazzjoni ta’ kwalità tfisser aktar opportunitajiet, aktar ugwaljanza u soċjetà aktar ġusta b’saħħitha.
Il-messaġġ huwa ċar: il-Gvern se jkompli jinvesti fl-edukazzjoni, għax it-tfal jistħoqqilhom l-aħjar u għax il-futur ta’ Malta jiddependi minnhom.


