Il-GWU twissi kontra li s-service charge tkopri parti mill-paga

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) esprimiet tħassib serju u oppożizzjoni ċara għall-idea li s-service charge tista’ ssir parti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur tal-catering u l-ospitalità. Din il-pożizzjoni ġiet espressa fid-dawl tal-fatt li f’dawn l-aħħar ġimgħat żdiedu r-rapporti dwar ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ikel li qed iżidu mal-kont tal-klijenti miżata addizzjonali ta’ 10%, magħrufa bħala service charge.

Il-GWU temmen li kull tibdil li jaffettwa d-dħul tal-ħaddiema għandu jkun ibbażat fuq prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza u rispett lejn il-ħaddiema u l-konsumaturi. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ service charge obbligatorja tqajjem diversi mistoqsijiet importanti li sa issa għadhom mingħajr tweġibiet ċari.

L-Unjin tenfasizza li s-salarji, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benefiċċji relatati mal-impjieg għandhom jibqgħu responsabilità diretta ta’ minn jimpjega u ma għandhomx jiddependu minn ħlasijiet addizzjonali imposti fuq il-klijent. Il-GWU ma taqbilx ma’ kwalunkwe sistema li twassal sabiex il-kumpens tal-ħaddiem ikun marbut ma’ servizz impost bħala ħlas obbligatorju fuq il-konsumatur aktar milli ma’ paga ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol stabbli.

Minn perspettiva tal-konsumatur, il-GWU tqis li l-introduzzjoni tas-service charge se twassal għal żieda indiretta fil-prezzijiet. Fil-prattika, il-klijenti mhux biss ikunu qed iħallsu għall-ikel u x-xorb li jikkunsmaw, iżda wkoll għal miżata addizzjonali li tista’ tħalli impatt negattiv fuq il-baġit tal-familji u tal-konsumaturi, speċjalment fi żmien meta ħafna persuni diġà qed jiffaċċjaw pressjonijiet ekonomiċi.

F’dan il-kuntest, il-GWU qed tistaqsi wkoll jekk l-introduzzjoni tas-service charge hix se taffettwa l-prattika tat-tips li tradizzjonalment jingħataw direttament lill-ħaddiema. Jekk il-klijent jara li qed iħallas service charge obbligatorja fil-kont, hemm il-possibbiltà li jassumi li l-ħaddiem diġà qed jiġi kkumpensat b’mod adegwat u għalhekk jonqos jew jieqaf jagħti tips. Dan jista’ jwassal biex il-ħaddiema jispiċċaw agħar milli kienu qabel, partikolarment jekk ma jkunx hemm mekkaniżmu ċar li jiggarantixxi li l-fondi kollha miġbura bħala service charge jaslu għand il-ħaddiema.

Il-GWU tfakkar li s-servizz mogħti fir-ristoranti, fil-lukandi u fi stabbilimenti oħra huwa r-riżultat dirett tal-ħidma, il-professjonalità u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema. Għalhekk, jekk teżisti sistema ta’ service charge, il-benefiċċju tagħha għandu jmur għand dawk li fil-fatt qed jagħtu s-servizz. Din il-pożizzjoni hija kondiviża wkoll mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), li pubblikament ikkonfermat li kwalunkwe service charge għandha tkun għall-benefiċċju tal-ħaddiema.

L-unjin targumenta li hemm bżonn ta’ qafas regolatorju ċar u trasparenti li jassigura li kull somma miġbura bħala service charge tkun amministrata b’mod ġust u tkun distribwita lill-ħaddiema mingħajr ambigwità jew interpretazzjonijiet differenti minn stabbiliment għal ieħor.

Fl-istess waqt qed jitqajmu mistoqsijiet dwar il-motivazzjoni wara din il-proposta. Ftit xhur ilu kien hemm diskussjoni pubblika dwar il-possibbiltà li r-rata tal-VAT applikabbli għar-ristoranti titnaqqas għal 7% bħala miżura biex tingħata spinta lis-settur. Peress li din il-proposta ma mmaterjalizzatx, diversi osservaturi qed jistaqsu jekk l-introduzzjoni tas-service charge hijiex, fil-fatt, tentattiv biex jimtela l-vojt li ħalliet dik il-miżura.

Il-GWU tisħaq li kwalunkwe bidla li taffettwa lill-ħaddiema, lill-konsumaturi jew lis-settur tal-ospitalità għandha ssir wara konsultazzjoni serja mal-imsieħba soċjali kollha u mhux permezz ta’ miżuri li jistgħu joħolqu aktar inċertezza. Il-prijorità għandha tibqa’ dejjem li jiġu żgurati pagi diċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u protezzjoni effettiva għall-ħaddiema, filwaqt li jinżamm bilanċ ġust mal-interessi tal-konsumaturi.

Il-General Workers’ Union se tkompli ssegwi mill-qrib l-iżviluppi relatati ma’ din il-kwistjoni u ttenni l-impenn tagħha sabiex tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li tassigura li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed tkun waħda ġusta, trasparenti u fl-aħjar interess tal-ħaddiema u tal-pubbliku inġenerali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport