Robert Farrugia ta’ 56 sena residenti ż-Żurrieq ingħata sentenza sospiża wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex fejn ammetta li pprova jisraq basket minn vann f’Marsalforn.
Kien il-Ħadd li għadda meta l-Pulizija ġew infurmati minn għaddas li persuna ta’ sess maskili kien ipprova jisraq basket mill-vann tagħhom tad-diving u li dan l-invidwu kien inqabad. Infurmahom ukoll li huma kienu jinsabu fil-limiti tax-Xwejni f’Marsalforn.
Il-Pulizija marru fuq il-post fejn hemmhekk sabu lil raġel Pollakk li qalilhom li kien ra lil raġel ieħor idaħħal idejh mit-tieqa tal-vettura tagħhom u jieħu l-basket tiegħu mill-istess vann.
Ir-raġel Pollakk kompla jgħid li huwa u sħabu bdew jgħajtu fid-direzzjoni ta’ dan ir-raġel, li mbagħad ipprova jaħrab minn fuq il-post iżda ġie miżmum minnhom.
Huma mbagħad ikkuntattjaw lill-Pulizija, bir-raġel ikun identifikat bħala Robert Farrugia u ġie arrestat. Huwa tressaq it-Tnejn quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech sabiex iwieġeb għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Farrugia ġie mixli b’attentat ta’ serq, li wara li kien ikkundannat f’Malta għal serq jew għal riċettazzjoni nstab fil-pusess ta’ mfietaħ, imqabblin jew iffalsifikati, jew għodod oħra tajbin għal ftuħ jew sgassar ta’ serraturi, u li kellu fil-pussess tiegħu sikkina mingħajr liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Huwa ammetta għall-akkużi, bil-Qorti tiddikjara li ma kellhiex triq oħra ħlief li ssibu ħati. Għall-fini ta’ piena, il-Qorti osservat li għalkemm l-imputat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, ma setax jiġi injorat il-fatt li huwa għandu fedina penali mhux netta u diġà kellu kundanni oħra preċedenti għal serq.
Kien għal dawn ir-raġunijiet illi l-Qorti sabet lil Farrugia ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu għal tmien xhur priġunerija sospiżi għal erba’ snin kif ukoll għal multa ta’ €116.47ċ.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri.


