Friday, November 29, 2024

L-importanza tal-innovazzjoni li twassal għall-kwalità

Tittella’ l-konferenza annwali tal-ACE

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-innovazzjoni għandha sehem kruċjali biex titwassal kwalità aħjar fl-industrija tat-turiżmu li tinkludi s-settur tal-catering billi tgħin biex tikber is-sostenibilità msejsa fost l-oħrajn fuq l-avvanzi teknoloġiċi. Dan jippermetti li jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità lejn din l-industrija. 

Dan qalu ċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Dr Gavin Gulia waqt il-konferenza annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) li saret dalgħodu f’lukanda ewlenija f’San Pawl il-Baħar. 

Dr Gulia, fid-diskors tiegħu, ta ħarsa ‘l quddiem dwar il-ġejjin tal-industrija tal-catering u qal li ż-żmien li ġej huwa wieħed eċitanti u mistenni joħloq aktar opportunitajiet ibbażati fuq esperjenzi li pajjiżna kapaċi joffri.

Huwa enfasizza l-appoġġ qawwi tal-Gvern u tal-MTA għax jemmnu fil-potenzjal li għandha din l-industrija. Fl-istess waqt li qal li se jkompli jsir l-investiment li jinkoraġġixxi aktar il-kwalità. 

Dwar l-iskills pass fl-industrija tat-turiżmu, iċ-Ċermen tal-MTA nnota li din qiegħda tħalli riżultati mixtieqa tant li din ir-riforma dwar il-ħiliet se narawha tkompli tiffjorixxi fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Dr Gavin Gulia kien qed jitkellem fin-nuqqas tal-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo li kien jinsab indispost. 

Il-konferenza nfetħet mill-President tal-ACE Michelle Muscat li fissret is-settur bħala wieħed dinamiku fejn il-klijenti jistennew soluzzjonijiet sostenibbli, flessibilità u personalizzazzjoni fis-servizzi varji li jkunu offruti. 

Hija tkellmet fuq l-isfidi li qiegħda taffaċċja l-industrija tal-catering fosthom skarsezza ta’ riżorsi umani adegwati, iż-żieda fil-prezzijiet u l-attitudni tal-klijenti li qed tinbidel b’mod kostanti. 

Il-President tal-ACE tenniet li minkejja l-isfidi, l-industrija baqgħet waħda dinamika u uriet li kapaċi tadatta għall-bidliet li jseħħu f’dan il-qasam. Fuq kollox, l-industrija reġgħet uriet li hija kapaċi wkoll tkun reżiljenti.

Hija temmet tgħid li dan mhux biss huwa mument importanti għall-Assoċjazzjoni billi qiegħda tiċċelebra l-ħames anniversarju tagħha iżda wkoll minħabba s-sehem qawwi li tista’ tagħti għas-snin li ġejjin, industrija li ċertament se tkun parti mill-viżjoni tal-Gvern li għandha twassalna sal-2050.

Fil-konferenza saru wkoll diskussjonijiet f’diversi panels li trattaw temi differenti, kurrenti u tal-ġejjieni, ta’ din l-industrija. Fost l-elementi ewlenin espressi minn dawk preżenti kien hemm il-ħtieġa li kontinwament ikomplu jaġġornaw għar-realtajiet tal-lum.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport