Monday, July 6, 2026

L-IMPORTANZA TAT-TURIŻMU F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

It-turiżmu huwa wieħed mill-aktar setturi importanti għal pajjiżna u għandu rwol ewlieni fl-ekonomija. Kull sena, eluf kbar ta’ turisti jżuru pajjiżna biex igawdu mill-klima sabiħa, il-bajjiet, il-kultura, il-festi tradizzjonali, l-ikel Malti u l-postijiet storiċi li għandna. 

Wieħed mill-akbar benefiċċji tat-turiżmu huwa li joħloq ħafna opportunitajiet ta’ xogħol. Dan m’aħniex ngħiduh aħna biss, imma dan ġie nnutat ukoll mill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela waqt il-Forum tal-Ospitalità ta’ Malta mtella’ mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) bit-tema “Dinja ta’ Opportunità”. 

Huwa minnu li t-turiżmu sar wieħed mill-akbar stejjer ta’ suċċess tagħna, fejn inħolqu eluf ta’ impjiegi, qed ikompli jingħata l-appoġġ lin-negozji filwaqt li dan is-settur ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għar-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna. 

Nemmnu wkoll li t-turiżmu jolqot kull aspett tal-ħajja nazzjonali. Jiddependi fuq infrastruttura moderna, toroq nodfa, spazji pubbliċi sbieħ u ambjent protett. Jiddependi fuq il-wirt kulturali rikk tagħna, fuq l-ospitalità tagħna, fuq is-servizzi ta’ sigurtà tagħna u fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna

Barra minn hekk, hemm ħafna negozji żgħar li jiddependu fuq it-turisti biex ikomplu jikbru u joffru servizzi ta’ kwalità. Għalhekk, meta t-turiżmu jkun b’saħħtu, dan jgħin biex tonqos il-qgħad u jiżdied il-ġid fil-pajjiż.

It-turiżmu jgħin ukoll biex pajjiżna jkun magħruf aktar madwar id-dinja. Dan kollu jgħin biex aktar nies jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni għall-vaganzi tagħhom. 

Madankollu, huwa importanti li t-turiżmu jkun sostenibbli. Dan ifisser li rridu nieħdu ħsieb l-ambjent, innaqqsu t-tniġġis u nħarsu s-sbuħija naturali ta’ pajjiżna. Irridu niżguraw ukoll li l-iżvilupp turistiku ma jagħmilx ħsara lill-identità u lill-karattru Malti. B’hekk inkunu qed noħolqu bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-protezzjoni tal-ambjent u l-kultura tagħna.

Quddiem dan kollu, nemmnu li t-turiżmu huwa pilastru importanti għall-futur ta’ Malta. Dan mhux biss iġib ekonomija b’saħħitha u joħloq ix-xogħol, iżda jgħin ukoll biex pajjiżna jkompli jikber u jkun magħruf internazzjonalment. Għalhekk, kulħadd għandu jagħraf l-importanza tat-turiżmu u jaħdem biex inkomplu noffru esperjenza sabiħa u pożittiva lil kull min iżur pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport