L-Imqabba terġa tippreżenta wieħed mill-akbar spettakli tan-nar f’Malta f’lejlet il-Festa ta’ Santa Marija

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-Torri tad-Dawl ta’ 63 metru, jerġa’ jirritorna b’effetti ġodda tridimensjonali (3D) fi spettaklu ta’ 10,000 tir sinkronizzat fil-parti l-kbira mal-mużika ta’ Coldplay.  Flimkien ma Murtali Tradizzjonali Maltin u spettaklu kbir ta’ Gigifogu.

L-Imqabba, Malta – 14 ta’ Awwissu 2026, 9:30pm, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija

Lejlet il-Festa ta’ Santa Marija, ir-raħal tal-Imqabba għal darb’oħra se jkun iċ-ċentru ta’ wieħed mill-aktar avvenimenti pirotekniċi mistennija f’Malta hekk kif jirritorna l-Fireworks Spectacular 2026, bi spettaklu saħansitra aktar innovattiv.

Fil-qalba ta’ din l-edizzjoni jerġa’ jispikka t-Torri tad-Dawl, struttura impressjonanti għolja 63 metru, meqjusa bħala waħda mill-aktar spettakli pirotekniċi uniċi fid-dinja. Din is-sena t-Torri se jippreżenta kunċett kompletament ġdid li se jinkludi effetti tridimensjonali (3D), maħluqa apposta sabiex joffru esperjenza viżiva ġdida.

L-ispettaklu se jinkludi madwar 10,000 shot, kollha kkoreografati u sinkronizzati fil-parti l-kbira mal-mużika tal-grupp internazzjonali Coldplay, u b’hekk jinħoloq spettaklu piro-mużikali li jgħaqqad emozzjoni, innovazzjoni u preċiżjoni.

It-Torri tad-Dawl se jkun iċ-ċentru tal-ispettaklu b’ffetti pirotekniċi ddisinjati apposta għal din l-okkażjoni. Madwaru, l-ispettaturi se jgawdu taħlita spettakolari ta’ logħob tan-nar sinkronizzat li tinkludi funtani tan-nar, sfejjer, blaleni, ftuħ tal-beraq u murtali tradizzjonali Maltin tal-beraq u kulur.  Ser tispikka wkoll qalb tridimensjonali li se tinħaraq minn 500 pozizzjoni mill-art minn medda ta’ 95 metru x 65 metru.

L-ispettaklu huwa maqsum f’erba’ taqsimiet ewlenin:

Parti 1 – Spettaklu Piro-Mużikali

Wirja spettakolari sinkronizzata mal-mużika fejn ir-ritmu, il-kulur u l-emozzjoni jingħaqdu f’esperjenza viżiva.

Parti 2 – Murtali Tradizzjonali Malti

Ġieħ lill-wirt pirotekniku Malti permezz tal-murtali tal-beraq u kulur li jkomplu jżommu ħajja waħda mill-isbaħ tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna.

Parti 3 – Il-Gran Finale

Final grandjuż li se jinkludi eluf ta’ shots sinkronizzati, li jdawlu s-smewwiet tal-Imqabba akkumpanjata mill-mużika ta’ Coldplay.

Parti 4 – Nar tal-Art Mekkanizzat (Ġigġifogu)

Il-lejla tintemm b’waħda mill-aktar tradizzjonijiet tal-logħob tan-nar: wirja ta’ nar tal-art mekkanizzat fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija li toħloq disinji u movimenti artistiċi permezz tal-piroteknika, b’uħud minnhom jilħqu dijametru ta’ 9 metri.

Lil hinn mill-ispettaklu tan-nar, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jasal kmieni fl-Imqabba sabiex igawdi l-atmosfera unika ta’ waħda mill-aktar festi popolari f’Malta.

It-toroq madwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija jkunu mżejna b’armar artistiku, faċċati mdawla, pavaljuni, bandalori, pedestalli, statwi u dwal li jittrasformaw il-qalba tar-raħal f’gallerija miftuħa tal-kultura u t-tradizzjoni tal-festa Maltija.

Fireworks Spectacular 2026 iwiegħed serata straordinarja fejn tradizzjoni ta’ sekli sħaħ tiltaqa’ mal-innovazzjoni, il-kreattività u l-eċċellenza, biex għal darb’oħra jkun wieħed mill-qofol tal-kalendarju tal-festi Maltin matul is-sajf.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport