“Minn dak li kien fadal ma stajt nieħu l-ebda ħjiel ta’ kif kienet il-belt… …ħlief tifrik u affarijiet maħruqa ma kienx hemm”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kont fuq ‘supply boat’. Ma konniex inkunu nafu fejn sejrin. Lanqas kif kienet sejra l-gwerra ma konna nkunu nafu. Konna smajna biss li fuq il-Ġappun intefgħet bomba ġdida.  Meta morna hemm ftit jiem minn dak li kien fadal ma stajt nieħu l-ebda ħjiel ta’ kif kienet il-belt.. Ħlief tifrik u affarijiet maħruqa ma kienx hemm”. Dan kien irrakkontah Romeo Borg, Furjaniż li kien wieħed minn tal-bidu li spiċċa b’ħidma f’Hiroshima wara li intefgħet il-bomba atomika. Dakinhar fil-Ġappun kien hemm ukoll xi sorijiet Maltin fosthom Josephine Tonna, li kienet f’Nagasaki meta intefgħet il-bomba.

Kien bħal dan iż-żmien ħamsin sena ilu  metą l-iStati Uniti xeħtu l-bombi atomiċi fuq il-Ġappun. Jum infami fl-istorja tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn twettaq attakk li fih mietu mijiet ta’ eluf ta’ nies ċivili Ġappuniżi mietu u ħafna oħrajn baqgħu ibatu konsegwenzi għal ħafna snin wara. X’kienet l-iskuża li inġabet għat-tfiegħ tal-bomba fuq Hiroshima? L-iskuża kienet li l-bomba intefgħet biex il-gwerra tiqsar u qalu kienu se jiġu salvati ħafna ħajjiet ta’ suldati. U imbagħad tqum il-mistoqsija għaliex tlett ijiem wara intefgħet il-bomba fuq Nagasaki? U llum tmenin sena wara qegħdin naraw li l-bniedem baqa’ ma tgħallimx. 

Belt li saret ħerba

Kien fis-6 ta’ Awwissu tas-sena 1945 meta il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima inqerdet minn bomba atomika mitfugħa minn ajruplan Amerikan. Eluf ta’ nies innoċenti ma baqgħux jeżistu, oħrajn spiċċaw b’diżabilità għall-kumplament ta’ ħajjithom. Dik il-belt saret ħerba.

Ftit jiem wara bomba simili intefgħet fuq belt oħra Ġappuniża, Nagasaki.  Bomba li ħalliet l-istess effett. Fl-14 ta’ Awwissu tas-sena 1945, il-Ġappun ċeda. Dawn kienu l-ewwel bombi tat-tip tagħhom li żviluppa l-bniedem biex jeqred lil bniedem ieħor. Kienu bombi li werwru lid-dinja.

Fost l-ewwel nies li marru f’Hiroshima biex jagħtu bidu għall-ħidma kbira bil-għan li din il-belt terġa’ tibda teżisti kien hemm wieħed Malti, Romeo Borg mill-Furjana. Hu kien għad kellu biss 20 sena.

Romeo Borg kien suldat mal-Royal Artillery Task Force Ingliża. Kien membru ta’ waħda mis-‘Supply Boats’ li fuqhom kien ikollhom tagħbija ġenerali li tvarja minn munizzjon għall-ikel u li kienu jitwasslu lir-reġimenti Ingliżi mxerrdin f’diversi pajjiżi kemm fl-Ewropa, fl-Afrika u fil-Lvant Imbiegħed.

Romeo Borg jirrakkonta li “kont fuq diversi ‘supply boats’. Ma kontx tkun taf lejn liema pajjiż sejjer. Id-destinazzjoni kienet issir magħrufa minna meta konna nkunu barra l-port li minnu inkunu tlaqna. Rari ukoll konna nkunu nafu l-andament tal-gwerra. Biss dak inhar li intefgħet il-bomba atomika konna sirna nafu li fuq il-Ġappun intefgħet bomba ġdida.”

Jisħaq li “kont fuq ‘supply boat’ li kienet ‘lbarra mill-Ġappun. Ġiet ordni biet insalpaw lejn dan il-pajjiż li issa kien diġa ċeda. Kif wasalna qalulna li barra milli nwasslu t-tagħbija li kellna, li kienu kampijiet tal-kanvas, kellna nwaqqfu l-istess kampijiet.  Kellna nibnu villaġġ żgħir li fih kellu jmur staff mediku li kellu jasal ftit sigħat wara”, jiddikjara Romeo. 

Romeo jgħid li hu qatt qabel ma kien mar f’dawn l-inħawi. “Qalulna li konna qegħdin ftit ‘lbarra minn Hiroshima, waħda mill-ibliet li fuqhom intefgħet il-bomba atomika u li kellhom jeħduna biex nibdew xogħol ta’ tindif ta’ toroq.”

“Ma kelli l-ebda idea ta’ kif kienet din il-belt qabel intlaqtet minn dik it-traġedja. U min dak li kien fadal ma stajt nieħu l-ebda idea lanqas. Ħlief tifrik u affarijiet maħruqa ma kontx tara. Borġijiet kbar ta’ ġebel, ebda indikazzjoni ta’ fejn setgħet kienet it-triq. Minkejja li kienu għaddew numru ta’ ġranet, il-paniku kien għadu evidenti ħafna fost dak li ħelsuha minn mewt hekk qerrieda.”

Jgħid li “fost il-perikli li konna esposti għalihom kien hemm dak tar-radjuattività ta’ din il-bomba.  Kien hemm xeni tal-biki, tara katavru wara  l-ieħor jinqalgħu minn taħt it-terrapien. Ħafna minn dawn il-katavri lanqas kienu jintgħarfu. L-intejjen li kien hemm ma konx tissaportihom. F’ħinijiet qosra ta’ mistrieħ kien jiġik il-ħsieb ta’ kemm kienet ħaġa selvaġġa l-gwerra, ta’ kemm il-bniedem kien selvaġġ biex jasal biex joqtol bniedem ieħor innoċenti.” 

Jenfasizza li “minkejja l-għejja li kellna fuqna, ir-rieda li tgħin lil dawk il-povri nies ma kinitx tħallik tieqaf. Meta lestejna l-kampijiet wara li naddafna żona mdaqqsa ta’ art beda x-xogħol ta’ tindif tat-trooq, fejn stajna nsibu li kien hemm toro. Il-post ġie konvertit  fi sptar  għall-feruti, partikolarment għal dawk milqutin mir-radjuattività”, kien iddikjara Romeo Borg. 

Romeo Borg dam f’Hiroshima kważi erba’ ġimgħat. Wara li telqu minn hemm kienu ħaduhom  għal eżami mediku ta’ tlett ijiem sħaħa fi sptarijiet militari fuq il-vapuri stess. 

Tħares lejn dak it-tifrik u qerda…..u

taħseb…..’bomba waħda biss’

Minn naħa tiegħu, Terry Lyons kellu lil missieru lil spiċċa mar il-Ġappun, proprju ftit jiem wara li intefgħu il-bombi atomiċi.

Terry jgħid li “missieri kien iġġieled fil-Paċifiku fi gżejjer okkupati mill-Ġappun matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Eżatt wara li l-Ġappun ċeda, ir-reġiment li kien jagħmel parti minnu kien fost l-ewwel forzi ta’ okkupazzjoni tal-alleati li niżlu fil-Ġappun f’Settembru tas-sena 1945. Dan sar tletin jum biss wara li l-bombi atomiċi qerdu Hiroshima u Nagasaki.”

Jgħid li “r-reġiment li kien parti minnu, kien inkarigat biż-żarmar tal-akbar port navali tal-Ġappun u tarzna tal-bini tal-vapuri li tinsab fil-belt ta’ Kure. Waqt li kien fuq leave f’Kure, missieri żar il-fdalijiet f’Hiroshima li tinsab madwar 15-il mil fit-tramuntana ta’ Kure. Fl-ittri tiegħu lura d-dar jikteb dwar l-esperjenza li kien ra Hiroshima għall-ewwel darba”.

Kien qal li “l-belt hija kompletament trab u tifrik. M’hemmx ħafna x’tgħid dwar bliet imfarrka imma din hija litteralment ċatta. M’hemm l-ebda pedamenti, is-siġar maħruqin iżda hemm tazzi tat-te u vażuni żgħar fit-tifrik mhux mittiefsa. Sibtha tassew dipressanti. Hija differenti minn bliet oħra bbumbardjati. Tħares lejha u taħseb. Bomba waħda biss!”.

“Missieri kien mar jara l-ħerba ma’ suldati oħra…

…kellu kanċer tlett darbiet u kollha ġew trattati b’suċċess”

Nancy Nisle tirrakkonta li “missieri kien tabib mal-armata u huma kienu marru f’Hiroshima, sitt ġimgħat wara li intefgħet il-bomba.  Kienu ħasbu li la għaddew sitt xhur, is-sitwazzjoni kienet sigura. Darba minnhom hu u xi tlett suldati oħra qabdu jeep u marru dawra mal-belt biex jaraw li għamlet il-bomba. Wara hu ħadem f’reattur nuklejari f’Idaho.  Hu spiċċa marad bil-kanċer tlett darbiet. Fis-sittinijiet kellu kanċer fil-musrana, fit-tmeninijiet kanċer fis-sider u fid-disgħijnijiet kanċer fil-kliewi. Kollha kienu trattati b’suċċess. Ma’ mietx b’kanċer.”

‘Kienu jġibu it-trabi morda…fil-klinika kellu

ritratt tal-bomba li ġabu bi bdil ma’ tazza ilma mingħand suldat Ġappuniż’

Glenn Archambault, ukoll kellu missieru li serva fil-Paċifiku u kien fost dawk li mar f’Hiroshima.  Meta kkummenta qal li “missieri serva fil-Paċifiku. Kien tabib u serva f’unit ta’ l-isptar tal-università ta’ Yale. Dan kien unit li kienet tagħti s-servizz tagħha wara li jitwaddbu l-bombi. Kellhom unit kbir, lest biex tikkura l-feruti wara l-invażjoni tal-Ġappun. Ġara imma li l-Istati Uniti  ma invadietx imma tefgħet il-bombi atomiċi. It-tim li kien fih missieri serva fuq l-art fiż-żewġ siti li fihom intefgħu l-bombi atomiċi.  Ġabru informazzjoni medika billi ħadmu direttament mat-timijiet mediċi Ġappuniżi. Fid-djarji tara li l-Amerikani u l-Ġappuniżi saru ħbieb u ħadmu ħafna biex jibnu bażi ta’ dejta. Naf xi ħaġa dwar missieri, kien jaf ħafna dwar it-trabi. Kellu spiżerija żgħira. Fil-belt żgħira n-nies kienu jġibulu trabi morda biex jikkurahom. Kellu ħafna mediċini speċjali; ħalib tal-mogħoż fil-friġġ, it-tfal kollha kienu jiġu mlaqqma. Fiż-żona tax-xogħol tiegħu mal-ħajt kien hemm ritratt tal-bomba atomika mil-livell tal-art. Kien qalli li akkwista r-ritratt bi tpartit ma’ xarba ilma għal suldat Ġappuniż marid.”

U llum tmenin sena wara, metą forsi dejjem ħsibna li l-bniedem kien tgħallem, qegħdin naraw it-theddid nuklejari jerġa’ jitfaċċa. Nisimgħu dikjarazzjoni minn politiċi dwarhom. Meta tismagħahom jitkellemu ma’ tistax ma tiftakarx f’dawk il-filmati u ritratti ta’ Hiroshima u Nagasaki. Ma tistax ma tistaqsix possibbli it-tagħlima ma ħadnihiex? Possibili hawn min hu lest li juża l-armi nuklekari qishom xi logħba?

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport