Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech ikompli: Melvin Theuma mistenni jkompli jixhed wara sigħat ta’ recordings sigrieti

Aqra wkoll

Melvin Theuma mistenni jerġa’ jitla’ fuq il-pedana tax-xhud hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tgħaddi lill-ġurati r-recordings sigrieti li huwa għamel ta’ Yorgen Fenech, wara seduta twila s-Sibt li matulha nstemgħu referenzi għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-aħwa Degiorgio, għal Vince Muscat u għal persuni f’karigi għolja fil-Gvern u l-Pulizija.

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech ikompli llum bix-xhieda ta’ Melvin Theuma, il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, hekk kif il-Prosekuzzjoni mistennija tkompli tgħaddi lill-ġurati sensiela twila ta’ recordings li Theuma kien għamel bil-moħbi qabel l-arrest tagħhom.

Is-seduta tas-Sibt kienet fost l-aktar intensi s’issa, b’Theuma jqatta’ sigħat fuq il-pedana jispjega l-kuntest ta’ konversazzjonijiet li kellu ma’ Fenech, kif ukoll l-allegati tentattivi biex jinżammu taħt kontroll l-aħwa Degiorgio u biex Vince Muscat, il-Koħħu, ma jkomplix jgħaddi informazzjoni lill-investigaturi.

Kummenti dwar Daphne wara l-qtil

Fost l-aktar recordings li spikkaw kien hemm wieħed li fih Fenech instema’ jagħmel kumment vjolenti dwar Daphne Caruana Galizia anke wara mewtha.

Theuma qal lill-ġurati li Fenech kien qallu li kien jitfagħha għal isfel b’idejh u ma jiddispjaċihx. Skont Theuma, dik il-konversazzjoni seħħet fl-uffiċċji ta’ Fenech f’Level 21, Portomaso

F’recording ieħor, Fenech instema’ jitkellem dwar tliet livelli ta’ involviment fil-qtil. Theuma spjega li, kif fehem hu, Fenech kien qed jagħmel distinzjoni bejn l-allegati eżekuturi, il-middleman u l-persuna li kienet fuqhom.

Skont ix-xhud, ir-referenzi għal “għaxra, sebgħa u ħamsa” kienu għal snin ta’ ħabs: għaxar snin għall-allegati hitmen, seba’ għal Fenech u ħamsa għalih.

“X’nagħmel? Immur għand l-Imħallef u ngħidlu li qtiltha jien?”

Il-ġurati semgħu wkoll recording li fih Fenech instema’ jgħid li ma seta’ jagħmel xejn aktar u jistaqsi: “X’nagħmel? Immur għand l-Imħallef u ngħidlu li qtiltha jien?”

Theuma qal ukoll li f’okkażjoni oħra Fenech kien qallu li kien iħossu “maqbud bejn erba’ ħitan”

Skont ix-xhud, Fenech kien qallu li kien mexxa l-ftehim tal-Electrogas b’suċċess iżda ma setax jeħles mill-“problema tal-qtil”.

Pressjoni biex Vince Muscat ma jitkellimx

Parti sostanzjali tax-xhieda ffukat ukoll fuq dak li allegatament sar wara li Vince Muscat beda jikkoopera mal-Pulizija.

Theuma sostna li Johann Cremona kien ingħata struzzjonijiet biex issir pressjoni fuq l-avukat Arthur Azzopardi, li dak iż-żmien kien qed jirrappreżenta lil Muscat, sabiex il-Koħħu ma jkomplix bil-proċess għal maħfra presidenzjali.

Skont Theuma, Cremona kien tkellem dwar li jintbagħtu żewġ persuni jheddu lil Azzopardi. Theuma qal li wara dan, Azzopardi ma baqax jidher għal Muscat.

Ix-xhud qal ukoll li, sa fejn kien jaf hu, Muscat dak iż-żmien ma kienx aċċetta proposta li kienet tinvolvi sentenza ta’ 12-il sena ħabs.

Theuma: L-aħwa Degiorgio kellhom opportunità jikkonfrontaw lill-Koħħu

Theuma xehed ukoll dwar żjara fil-ħabs li kienet tinvolvi lill-avukat William Cuschieri, li kien qed jidher għall-aħwa Degiorgio.

Skont Theuma, Cuschieri mar il-kamra tal-banju apposta, u b’hekk ħalla lil George u Alfred Degiorgio waħedhom ma’ Vince Muscat biex ikunu jistgħu jistaqsuh jekk kienx qed jgħaddi informazzjoni lill-Pulizija.

F’recording ieħor instemgħet ukoll referenza għall-qtil ta’ Jonathan Pace,magħruf bħala Tyson Butcher, fl-2014.

Theuma qal li Fenech kien qallu li l-aħwa Degiorgio kienu talbu €8,000 minflok €10,000 biex jitwettaq dak il-qtil, u li d-differenza kienet ġiet deskritta bħala “discount”.

Bail u flus għall-aħwa Degiorgio

Il-bail tal-aħwa Degiorgio baqa’ wieħed mis-suġġetti ewlenin tar-recordings.

Theuma qal li wara l-arrest tagħhom kien baqa’ jgħaddilhom flus regolarment, u li saru diskussjonijiet dwar jekk dawn il-ħlasijiet għandhomx ikomplu sakemm jasal il-ġuri tagħhom.

F’laqgħa f’Level 21, qal, hu, Fenech u Johann Cremona ddiskutew ħlasijiet ta’ madwar 2,000 jew €3,000 fil-ġimgħa.

Theuma spjega wkoll recordings li fihom jissemma “it-22”, data li fiha allegatament kien mistenni li l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail.

Ix-xhud qal li kieku dan seħħ, kien lest jaqta’ l-pagamenti jekk jerġgħu jitolbuh aktar flus.

Tensjoni wara li Fenech sar jaf bir-recordings

Is-seduta daħlet fid-dettall ukoll dwar il-mument meta Fenech sar jaf li Theuma kien qed jirrekordjah.

Fir-recordings instema’ Fenech jgħid li kien “iddiżappuntat”, filwaqt li beda jistaqsi lil Theuma lil min kien qal dak li kien jaf.

Theuma spjega li kien beda jirrekordja għax kien jibża’ li seta’ jispiċċa eliminat u li r-recordings kienu l-unika protezzjoni tiegħu.

F’waħda mill-konversazzjonijiet, Fenech instema’ jgħid lil Theuma li kellu għalfejn jinkwieta għax kien qal lil persuna oħra kollox “minn A sa Z”.

Theuma qal li dan kien ifisser li kien qasam informazzjoni li Fenech kien għaddielu.

Keith Schembri jissemma ripetutament

L-isem ta’ Keith Schembri deher diversi drabi matul is-seduta.

F’recording minnhom, Fenech instema’ jgħid li Schembri kien qallu: “Nidħol fin-nar għalik.”

Fenech instema’ jgħid ukoll li kien jafda lil Schembri aktar minn Silvio Valletta,u li Schembri kien “iffriża” meta semmielu l-qtil.

F’konversazzjoni oħra, Fenech allegatament irrakkonta li Schembri kien qallu: “Kellek tgħidli qabel.”

Theuma qal lill-ġurati li hu fehem din ir-referenza bħala li Fenech kellu jgħid lil Schembri qabel l-assassinju.

Minkejja dan, Theuma tenna li hu ma setax jgħid li Schembri kien ordna jew ħallas għall-qtil, u baqa’ jinsisti li, skont il-verżjoni tiegħu, Fenech kien il-mandant.

Referenzi għall-Kabinett, Joseph Muscat u Silvio Valletta

Theuma spjega wkoll recording li qal li kien jirreferi għal diskussjonijiet fil-Kabinett dwar it-talba għal maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat.

Skont Theuma, Fenech kien jgħidlu li Keith Schembri kien qed jgħaddi informazzjoni minn dawn id-diskussjonijiet lill-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta

Fir-recordings issemmew ukoll Joseph Muscat, Chris Cardona, Owen Bonnici u Keith Arnaud.

Theuma qal li Joseph Muscat kien jiġi riferut għalih bħala “ix-Xiħ”.

“Kemm tiflaħ tieħu moħħ ta’ bniedem?” staqsa f’ħin minnhom.

Lejn tmiem ix-xhieda nstema’ wkoll fir-recording jistaqsi kif seta’ jgħix bil-kuxjenza tiegħu wara dak li kien ġara.

Meta ntalab jispjega għal xiex kien qed jirreferi, Theuma qal li kien qed jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Illum, Theuma mistenni jerġa’ jitla’ fuq il-pedana hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tgħaddi lill-ġurati l-kollezzjoni estensiva ta’ recordings u titlob lix-xhud jispjega l-kuntest tagħhom.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport