L-awtoritajiet Ċiniżi evakwaw aktar minn miljun persuna minn djarhom fin-naħa tal-Lvant taċ-Ċina, inkluż f’Shanghai, kawża tat-tifun Dolphin.
Meta laqat lil Yuhuan fil-provinċja ta’ Zhejiang, it-tifun kellu veloċità massima tar-riħ ta’ 150 kilometru fis-siegħa. Ftit tal-ħin wara, it-tifun laqat il-belt ta’ Wenzhou.
Barra minn hekk, kellu jitwaqqaf ukoll it-trasport madwar ir-reġjun kollu, b’xejn inqas minn 1,400 titjira jiġu kkanċellati f’Shanghai biss.
L-awtoritajiet Ċiniżi kienu ħarġu l-ogħla livell ta’ twissija – allert aħmar – minħabba f’dan it-tifun iżda sat-Tnejn filgħodu kienu niżżlu l-livell tat-tifun għal dak ta’ maltempata tropikali.
L-istess awtoritajiet għadhom qed iwissu dwar xita qawwija ħafna, għargħar u anke r-riskju ta’ valangi sa nhar l-Erbgħa.
Il-gvernijiet lokali ħeġġew lin-nies sabiex jevitaw attivitajiet fuq barra, filwaqt li diversi attrazzjonijiet turistiċi baqgħu magħluqa, inkluż partijiet minn Disneyland u Legoland.
