Saturday, May 4, 2024

L-INDIPENDENZA

Aqra wkoll

Suppost li f’affarijiet bħall-Indipendenza ma jkunx hemm differenza bejn il-partiti politiċi.  Imma anki hawn ħarġet id-differenza.  Filwaqt li għall-PN l-Indipendenza kienet sempliċiment proċedura li l-gvern ta’ Malta jkun ‘ikkontrollat’ miċ-ċittadini Maltin, il-PL kellu viżjoni ħafna aktar wiesgħa u miftuħa li tħares ‘il quddiem biex Malta tkun vera indipendenti.  

Kien għalhekk li meta l-PL kien fil-gvern fis-70ijiet ma qgħadtx idu fuq żaqqu u ġab lil Malta vera indipendenti.  Kien għalhekk li l-ewwel ma għamel kien li ġab lil Malta Repubblika.  Biss dan ma kienx biżżejjed għaliex l-ekonomija kienet għadha xorta tiddependi fuq il-fatt li Malta kienet xorta għadha bażi militari.  Dan kien jintwera mill-preżenza tal-militari mhux biss mill-Ingliżi, iżda min-NATO.  Jekk wieħed iħares lejn il-mappa, jittendi li l-preżenza kienet ma’ Malta kollha.  

Il-viżjoni ma waqfitx biss ma’ Malta Repubblika.  Il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien ħadem biex iqajjem l-ekonomija u poġġa data quddiemu biex ikompli mat-tradizzjoni tal-PL li l-għan tiegħu mhux li jwiegħed l-affarijiet lill-poplu u wara ma jsir xejn, iżda li jaħdem biex mhux biss il-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin titjieb iżda li wkoll li Malta tkun tista’ tiddeċiedi hi l-futur tagħha.  

Fil-fatt illum il-PL ġabna pass ieħor ‘il quddiem.  Dan għaliex il-ġurnata tal-Indipendenza kienet aktar ħaġa simbolika għall-pajjiż milli opportunità biex nimxu aktar ‘il quddiem.  Għall-PN din il-ġurnata kienet tintuża biex ikollna ċerimonja bħal pajjiżi oħra u biex isaħħaħ il-partit.  Tal-aħħar kien isir billi x-xahar ta’ Settembru kien ikun mimli attivitajiet mill-PN biex juri l-preżenza tiegħu u xejn aktar għax kull ma kienu jitkellmu kien biss fuq kemm kienu tajbin u li ma hawn ħadd tajjeb bħalhom.  

Il-pass ‘il quddiem li ġab il-PL hu li qed juża dan iż-żmien biex iwettaq il-viżjoni tiegħu tal-indipendenza – il-ħila u d-determinazzjoni li Malta tfassal il-futur tagħha.  Dan mhux qed isir bil-konfoffi wara bibien magħluqa, iżda bil-partiċipazzjoni miftuħa taċ-ċittadini Maltin li qed juru l-aspirazzjonijiet tagħhom.  Il-funzjoni tal-PL hi li jiġbor dawn l-aspirazzjonijiet u wara jaħdem biex iwettaqhom biex jiżgura li l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin tkompli titjieb. 

Sport