Sunday, December 22, 2024

“L-inkjesta Maġisterjali telimina d-dubji u hi l-unika investigazzjoni li se twassal għal ġustizzja”

Il-PM Robert Abela jsostni li se jkun l-ewwel wieħed li jgħaddi l-kopja tal-inkjesta lil omm il-vittma

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hija investigazzjoni waħda li se twassal għal ġustizzja sħiħa f’dan il-każ u hija l-inkjesta Maġisterjali li għandha l-għodod kollha biex twassal għal min kien responsabbli għal dak li ġara. Hija l-inkjesta Maġisterjali ad esklużjoni ta’ dik pubblika li tista’ twassal biex min inkontribwixxa mqar farka għal dan l-inċident jitressaq quddiem il-qrati tal-ġustizzja tagħna”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li segwiet id-deċiżjoni parlamentari dwar it-talba għal inkjesta pubblika fil-każ ta’ JeanPaul Sofia. Abela qal li hemm bżonn li tiġi ċċarata d-distinzjoni bejn iż-żewġ forom għax kien hemm ħafna rappreżentazzjonijiet varji li jinsabu ’l bogħod mill-verità tal-perkors tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward il-Prim Ministru spjega li l-inkjesta pubblika hija dik maħtura minnu bħala Prim Ministru jew mill-Ministru responsabbli mis-settur u li din hija inkjesta ministerjali li s-setat tagħha huma limitatissimi. Kompla biex jgħid li filwaqt li din għandha l-pubbliċità għax tkun miftuħa għall-pubbliku, snien u għodod m’għandhiex. Min-naħa l-oħra, l-inkjesta Maġisterjali minkejja li ssir bil-bibien magħluqa għandha ħafna setat u li l-konklużjonijiet tagħha jwasslu għal riperkussjonijiet. Min jinstab li naqas irid jitressaq quddiem il-qrati tal-ġurisdizzjoni kriminali fejn jekk jinstab ħati l-konsegwenzi jkunu jew priġunerija effettiva jew oħrajn skont il-gravità li tara l-qorti. Il-Prim Ministru qal ukoll li għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħed jiġi ċirkolat fuq barra, id-deċiżjoni parlamentari bl-ebda mod ma waqqfet jew qatlet il-proċess tal-inkjesta Maġisterjali li ilha li bdiet sa minn dakinhar tal-inċident lura fit-3 ta’ Diċembru li għadda.

“Jien se nkun l-ewwel wieħed li nagħti kopja tar-rapport lil Isabelle”. Ikkonferma dan il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li sostna li għall-kuntrarju tal-impressjoni li qiegħda tingħata, l-inkjesta Maġisterjali mhix se tkun xi ħaġa sigrieta u li ladarab il-Maġistrat inkwerenti tikkonkludi r-rapport u tgħaddih lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju biex ikompli l-proċess u anke jkunu jistgħu jinħarġu l-akkużi kontra dawk responsabbli se jkun hu l-ewwel li jitlob kopja għall-ġenituri tal-vittma.

Min-naħa tiegħu l-PM qal li hu ta wegħda lil Isabelle li se jkun qiegħed jiżgura li ssir ġustizzja ma’ binha u minkejja li hawn min qiegħed jimmaġina mod ieħor, il-perkors tal-ġustizzja beda ftit sigħat wara l-mewt ta’ JeanPaul Sofia. Rigward id-dewmien, Abela qal li ftit tas-sigħat ilu bagħat it-tieni ittra lill-Prim Imħallef biex jitlob għal konklużjoni kemm jista’ jkun malajr minħabba l-gravità tal-każ. Huwa qabbel il-każ ta’ Sofia ma’ każ simili ta’ Miriam Pace li l-inkjesta tiegħu ġiet konkluża f’ħafna inqas.

Hu rrefera għal-laqgħa ta’ aktar minn siegħa li kellu ma’ Omm Jean Paul Sofia u meta mistoqsi wkoll rigward il-kliem b’saħħtu ta’ missier il-vittma li qallu li hu kien se jmur jgħannaq lil bintu mentri u ma seta’ jmur jgħannaq lil ħadd, il-Prim Ministru qal li ma jista’ qatt ilumu. 

“L-unika mod kif inwieġbu lil dak il-missier mhux illum. Illum ma nistax. Irrid inwieġbu meta tingħalaq l-inkjesta maġisterjali, nerbaħ il-fiduċja tiegħu li jien ma kontx qed ngħaddihom biż-żmien, li dik l-impressjoni li ngħataw li jien b’xi mod qiegħed ngħatti lil xi ħadd mhijiex vera, li l-proċess tal-ġustizzja mhux se jieqaf mal-konklużjoni tal-inkjesta Maġisterjali u li t-triq kollha rrid nimxiha magħhom mingħajr ma niskwilibrija ruħi bħala Prim Ministru”, sostna Abela. Mistoqsi rigward kummenti dispreġjattivi fil-konfront ta’ omm JeanPaul u l-familja tiegħu, Abela kkundannahom bl-ikbar qawwa. “Allaħares tmiss lilek din. Immaġinak tirċievi telefonata t-tifel tiegħek tgħaffeġ u miet għadu kif ħareġ għall-ġurnata tax-xogħol. Kif tista’ din l-omm qatt tagħtiha soljev”, stqarr Abela.

Għal aktar minn darba, il-Prim Ministru qal li filwaqt li jrid joqgħod attent, il-prova tiegħu se jkun qiegħed jagħtiha billi akkost ta’ kollox iżomm mal-kelma li kien ta lil omm JeanPaul. Sostna li l-messaġġ irid ikun wieħed ċar li “m’hemmx lok għal cowboys”, filwaqt li kompla jisħaq li hemm bżonn li l-inkjesta Maġisterjali titħalla tingħalaq għax filwaqt li ma eskludiex il-problema tad-dewmien, kompla biex jikkonferma l-fiduċja tiegħu fil-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

Abela qal li omm JeanPaul Sofia qiegħda tingħata twemmin li hija l-inkjesta pubblika biss li tista’ tasal għal ċertu konklużjonijiet. Mistoqsi rigward l-imġiba tal-familja, il-Prim Ministru qal li jimmaġina li li kieku kien hu fis-sitwazzjoni ta’ dawn il-ġenituri jaf kien jagħmel agħar minn hekk.

“Se niġu f’sitwazzjoni li jkunu membri Parlamentari li meta jiftlilhom jiddeċiedu li ssir inkjesta pubblika jew le?” Sostna Abela filwaqt li kompla biex jispjega li b’deċiżjoni differenti lbieraħ, il-parlament seta’ jaqleb ta’ taħt fuq ir-riformi kollha li saru fejn tidħol is-saltna tad-dritt. 

Il-Prim Ministru qal li jweġġgħu l-fatt li jkollok l-Oppożizzjoni li tipprova tirkeb fuq koppja fraġli fis-sitwazzjoni vulnerabbli li kienu jinsabu fiha. Qal li hu konxju li hemm dubji fuq il-gvern u anke fuqu u dan jafu għax hu jinżel fit-triq man-nies biex ikun jaf sew x’qegġdin iħossu. Madanakollu huwa qal li jinsab ċert li ladarba tingħalaq l-inkjesta maġisterjali se tagħlaq kull farka ta’ dubju li hemm fis-sistema u se tara li l-ġustizzja se tkun qiegħda ssir.

Rigward il-kunċert fil-Girgenti l-Prim Ministru qal li seta’ għamel ħafna affarijiet fosthom li jħassar il-kunċert fl-aħħar ħin jew li ma jmurx. Huwa qal li t-tħassib li għandu huwa aktar fuq kif se tissewwa’ parti mill-ħsara għax intilfet ħajja li ma tistax tinġieb lura.

“Il-ħajja mhux se tiġi lura u allura l-ikbar parti tal-isfreġju li sar u nagħmlu x’nagħmlu mhux se tiġi lura. Il-ġustizzja riparatriċi magħhom għad-dannu li sofrew li jaraw li kull min kellu x’jaqsam mill-allokazzjoni tal-art sat-3 ta’ Diċembru jħallas, id-danni li jiġu kkalkulati kif sippost għax intilfet ħajja ta’ tifel fl-aqwa ta’ ħajtu li jidher li ma kellux tort u s-sistema minnha nnifisha”, elenka Abela fost l-għanijiet prinċipali biex dan iseħħ.

Fuq enfasi għaliex ġiet miċħuda t-talba għal inkjesta pubblika, Abela tenna li l-inkjesta pubblika tinvolvi tlieta min-nies li jintgħażlu mill-parlamentari u joqogħdu jisimgħu x-xhieda. Min-naħa l-oħra l-entitajiet regolatorji jridhom iduru fuq is-siti biex jistaqsu għalfejn ċertu xogħol ikun qiegħed isir b’dak il-mod. 

“Ġustizzja se ssir u jekk l-istat naqas se jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Però min naqas u ma jagħmilx parti mill-istat irid jerfa’ wkoll il-parti tiegħu”, temm isostni l-Prim Ministru filwaqt li żied ifakkar li huwa dan il-gvern li qiegħed jagħżel li wara tant snin jirriforma dan is-settur u li hija narrattiva perikoluża li l-Oppożizzjoni qiegħda tipprova tippolitiċizza dan il-każ.

Ekonomija

Sport