Thursday, March 6, 2025

“L-investiment fl-armamenti m’aħniex se nkunu parteċipi fih”

- il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-investiment fl-armamenti m’aħniex se nkunu parteċipi fih għax preklużi milli nagħmlu dan bil-kostituzzjoni tagħna. Ma nemminx li l-investiment fl-armi, fit-tankijiet tal-gwerra u f’aktar munizzjon jista’ jwassal għal riżoluzzjoni tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Nemmen li hemm soluzzjoni waħda u dejjiema, li hija dik tal-paċi.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti lill-midja minn Brussell qabel is-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew. Huwa beda biex qal li l-Ewropa u d-dinja jinsabu f’salib it-toroq u għalhekk enfasizza l-importanza ta’ summit bħal dan għaliex fih se jittieħdu deċiżjonijiet, illum u anke fil-ġranet li ġejjin, illi jridu jiddeterminaw mhux biss l-Ewropa tal-lum imma l-Ewropa għas-snin li ġejjin.

Dr Abela qal li “l-pożizzjoni ta’ pajjiżna tista’ tgħid hi unika għalkemm m’aħniex waħedna li għandna l-obbligu kostituzzjonali tan-newtralità, li nemmen qed iservina verament tajjeb però possibilment l-aktar pajjiż li qed inżommu għażiż dak il-prinċipju.”

“L-ewwel kumment tiegħi huwa fil-kuntest illi definittivament dak huwa prinċipju li mhux għad-diskussjoni għax tant nemmnu fih u tant nemmnu li f’dan il-mument partikolari ta’ żmien qed iservina verament utli. Punt ieħor li se nimbutta huwa l-promozzjoni tal-paċi,” tenna l-Prim Ministru. “F’għeluq snin il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, dan i-prinċipju li tant sħaqna fuqu sal-lum illum hemm aktar stati membri li qed jiddiskutuh. Però nħoss li għad m’għamilniex biżżejjed.”

Huwa żied isemmi li diskussjonijiet importanti oħra se jitrattaw l-Ukrajna kif ukoll l-investiment fid-difiża u fis-sigurtà. “Nifhem li l-Ukrajna sfat vittma ta’ aggressjoni inġusta mir-Russja. Malta tat il-kontribut tagħha fil-kuntest tal-limitazzjonijiet kostituzzjonali tagħna biex ngħinu lill-poplu Ukren.”

“Però qatt ma nista naqbel ma’ din il-linja tal-ħsieb li donna qabdet li rridu nibqgħu ninvestu f’aktar armamenti biex inwasslu dan il-kunflitt fit-tmiem tiegħu,” tenna l-Prim Ministru. “Anzi nemmen li iżjed armamenti ifixklu milli naslu għat-tmiem tal-gwerra.”

Huwa żied jistqarr li se jressaq din il-pożizzjoni anke fil-kuntest tal-għajnuna li tat l-Istati Uniti. “X’se jiġri jekk se tibqa’ l-għajnuniet tagħha sospiżi jew saħansitra jekk tirtira mill-għajnuna li qed tagħti? L-UE tista’ timla dik il-funding gap? Possibilment iva. Imbagħad tqum id-domanda minn fejn… se nqaċċtu mill-budget temi tas-saħħa enerġija rinovabbbli, tal-pensjonijiet? dawk huma domandi li rridu nindirizzaw.”

“Se nibdew dalwaqt negozjati għall-Multi Annual Financial Framework li jmiss. Hemmhemm mhux se jkun aċċettabbli għalina li biex immorru fit-triq ta’ investiment iżjed fl-armi, jinqatgħu minn fondi ta’ koeżjoni li huma dovuti lil pajjiżna. Dawk huma punti li se nitħaddtu llum.”

Il-Prim Ministru semma wkoll li ftit tal-jiem ilu huwa tkellem dwar l-importanza li jkollna investiment fis-sigurtà ta’ pajjiżna. Tenna li dak li ried ifisser mhux investiment fil-munizzjon jew f’xi tankijiet tal-gwerra iżda li kien qed jitkellem dwaru huwa l-investiment fis-cybersecurity ta’ pajjiżna u li nieħdu ħsieb li jkollna difiża adegwati fl-infrastruttura kritika ta’ pajjiżna fejn ġab bħala eżempju l-underwater cable li jagħtina l-enerġija minn Sqallija.

“Jista’ jkun li nkun l-unika persuna li nwassal dak il-messaġġ pero se nwasslu għax naf li l-poplu Malti dak li jixtieq minna,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Preżenti għal dan is-summit kien hemm ukoll il-President Ukren Volodymyr Zelensky, li kien milqugħ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew António Costa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport