Tuesday, May 14, 2024

L-irġiel mixlija bil-qtil ta’ Rumen dehru fi stat ta’ paniku wara d-delitt

Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Joseff Rivas f’Paceville

Aqra wkoll

It-tlitt irġiel li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Rumen f’Paceville dehru li kienu jinsabu fi stat ta’ paniku wara d-delitt, b’wieħed minnhom jgħid ukoll lix-xufier tat-taxi li wassalhom lura d-dar biex ifittex isuq minn fuq il-post.

Dan id-dettall ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Ilie Constantin, Ionut Iulian Tanase u Dan-Andrei Tanase, li jinsabu mixlija li qatlu lil Josef Rivas fil-5 ta’ Diċembru li għadda fi Triq Ross. L-imputati huma li qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Fuq il-pedana tax-xhieda, ix-xufier tat-taxi spjega li huwa kien irċieva talba biex imur jiġbor xi persuni permezz tal-app u wara ċemplilhom. Dawn qalulu li kienu biswit il-Burger King u nstemgħu “ppanikjati”.

Meta x-xufier wasal ħdejn l-istabbiliment Burger King, żewġt irġiel daħlu fil-karozza u t-tielet raġel kien daħal ftit tal-ħin wara. Mistoqsi x’nazzjonalità kienu dawn l-irġiel, ix-xhud qal li mil-lingwa li kienu qed jużaw, ħaseb li kienu xi Rumeni. Wieħed mill-irġiel kien tkellem max-xufier bl-Ingliż.

“Hekk kif daħal it-tieni raġel fil-karozza, ir-raġel l-ieħor beda jgħajjat “suq, suq”. Dak il-ħin bżajt. Kien bħal donnu qed jgħajjat miegħi.” Il-passiġġier li tkellem miegħu bl-Ingliż kien tah id-direzzjonijiet waqt li kien qed isuq. Qal li bir-rotta li kien ingħata evita milli jkollu jsuq mit-triq fejn seħħ l-inċident.

“F’ħin minnhom bdew jitkellmu bil-lingwa tagħhom u ma fhimtx x’kienu qed jgħidu. Irċevew telefonata mingħand mara li titkellem bl-istess lingwa u nstemgħet tgħajjat u tibki,” qal ix-xhud. Huwa kien niżżel lill-passiġġieri fis-Swieqi, ħdejn ħanut li jinsab fi Triq il-Keffa. Huma kienu tawh €20 fi flus kontanti wara li wassalhom.

Sadanittant, xehdu wkoll uffiċjali tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji li spjegaw fil-Qorti x’kien l-involviment tagħhom f’dan il-każ. Fost oħrajn, dawn qalu li kienu tkellmu ma’ diversi ħaddiema tas-sess li jgħixu f’appartament f’Paceville li kien indikat lill-pulizija li potenzjalment seta’ kien konness mal-allegati aggressuri.

Waħda min-nisa kienet qalet lill-uffiċjali li ċertu “Andrei” kien ċemplilha u talabha biex toħroġ mill-appartament. Hija kienet arrestata wara li uffiċjali tal-pulizija nnutaw li kienet qiegħda taħrab mill-mistoqsijiet li bdew isirulha. Minn tfittxija li saru fl-appartament nstabu diversi oġġetti tal-akkużi fosthom laptop ta’ Ionut Tanase.

Biljett tal-ajru kien wieħed mill-oġġetti rkuprati mill-pulizija meta fittxew fl-appartament f’Wied il-Għajn li kien qed jikri l-vittma taħt l-isem “Todica Liviu”.
Fuq il-pedana tax-xhieda, uffiċjal tal-pulizija qal li filmati tas-CCTV urew lill-akkużati jidħlu fl-appartament li ssemma mill-ħaddiema tas-sess, u wara jidħlu f’taxi. Barra l-appartament ta’ Tanase, l-uffiċjal innota dak li deher li kien tiċpis tad-demm u għalhekk sejjaħ lill-uffiċjali tal-forensika, li sabu aktar demm ġewwa l-appartament u hoodie bid-demm mormi fiż-żibel.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri.
L-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Charmaine Cherrett u Jacob Magri qed jidhru għall-imputati.

Sport