Minn statistika li tmur lura sa 1957, jidher biċ-ċar li De Leo huwa wieħed mill-aħjar kowċis li qatt kellu t-tim nazzjonali Malti. Minn 18-il logħba, huwa rnexxilu jirbaħ 6 minnhom u tlieta draw, b rata ta’ suċċess ta’ madwar 39%.
Il-President Vassallo spjega li l-proċess tal-għażla tal-kowċ inbidel, għal kontra ta’ dak li kien jiġri fil-passat, l-MFA kienet appuntat bord magħmul minn uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, eks plejers u tekniċi professjonisti biex issir evalwazzjoni tal-kandidati. Kull kandidat kellu jippreżenta l-filosofija tiegħu skond l-objettivi mfassla mill-Assoċjazzjoni u l-pjan kif kien se jwassal il-futbol f’dawk li kienu l-objettivi studjati. Finalment kien De Leo li rebaħ il-fiduċja tal-maġġoranza u inħatar kowċ tat-tim nazzjonali tal-Irġiel u responsabbli mit-timijiet nazzjonali maskili tal-futbol fi ħdan iċ-Ċentru Tekniku f’Ta’ Qali.
Il-kowċ għandu passat fejn fl-aħħar deċenju mexxa u assista numru ta’ klabbs kbar ġewwa l-Italja fosthom AC Milan, Torino FC u Bologna FC. Għal perjodu wkoll kien it-tieni kowċ tat-tim nazzjonali tas-Serbja u allura Malta mhux l-ewwel esperjenza li għandu fit-tmexxija ta’ tim nazzjonali.
Bjorn Vassallo ddeskrivih bħala persuna kalm ħafna, iħobb l-arti u għandu għarfien kbir tal-logħba. Huwa saħaq li l-kowċ ta’ lill-iskwadra identita’, bit-tim jilgħab futbol sabiħ, ballun mal-art, żdied il-pussess, u l-plejers jaħdmu għal xulxin bħala skwadra. Kapaċi jkunu paċenzjużi, kapaċi jikkalmaw il-partita meta jkun hemm bżonn u kapaċi wkoll jgħollu l-intensita’ jekk irridu jkunu offensivi biex ifittxu l-lasta avversarja.
“Dawn huma kollha prinċipji li jaslu bit-tagħlim u bl-assistenza professjonali li apparti l-kowċ nazzjonali kapaċi jagħtu l-grupp ta’ kowċis li għandu jassistuh, l-analisti, il-preperaturi fiżiċi, in-nutrizzjonisti, it-tobba u oħrajn li jassistu lit-tim waqt it-twieqi internazzjonali. B’hekk it-tim ikun ippreparat bl-aħjar mod kemm fil-livell fiżiku, tattiku, tekniku imma wkoll psikoloġiku biex jaffronta partiti ta’ dan il-livell internazzjonali.” Qal Vassallo.

