Sunday, November 24, 2024

“L-irwol ta’ Projects Malta kien wieħed amministrattiv”

- William Wait l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-ġbir tal-provi fil-konfront ta’ numru ta’ kumpaniji u persuni fosthom l-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna b’rabta mal-Inkjesta Vitals, quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana tressqu aktar xhieda biex jagħtu aktar informazzjoni dwar il-każ.

Wieħed mix-xhieda reġa’ kien l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara u dan wara li fl-aħħar seduta kien intalba mill-avukat Stephan Tonna Lowell biex jesebixxi dokument li parti minnhu qal li jeħtieġ jiġi trattat b’kunfidenzjalità.

Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Caruana informa lix-xhud li dan id-dokument se jkun issiġillat fl-atti tal-kawża, u se jkun aċċessibbli biss mill-prosekuzzjoni u d-difiża. Dan id-dokument hu email li nbagħtet lill-Awditur Ġenerali mingħand l-avukat Chris Soler.

Xhud ieħor fil-kumpilazzjoni kien Joseph Micallef li l-irwol tiegħu kien li jassisti f’lagħqat tal-isteering committee. Ix-xhud qal li l-irwol tiegħu kien li wieħed għal perjodu qasir ħafna u ħafna mid-dettalji ma jiftakarhomx.

David Galea wkoll xehed f’din il-kumpilazzjoni fejn qal li l-irwol tiegħu kien li jirraporta lill-kumitat dwar il-ftehim ta’ konċessjoni. Sostna li hu kien imqabbad minn Projects Malta. Mistoqsi dwar il-kumitat, Galea qal li ħafna drabi kien Ronald Mizzi li jmexxi l-laqgħat però kien hemm okażżjonijiet li tmexxew ukoll minn Joseph Rapa. Qal li l-kumitat kien jiffoka fuq in-negozjar tal-kuntratti partikolarment il-ftehim tal-konċessjoni filwaqt li ddikjara li ra l-abbozz mħejjija mill-kumpanija Ganado Advocates, li kellu xi kontribut fl-RFP iżda ma kienx hu li jmexxi l-proċess.

Galea xehed li kien hemm xi kwistjonijiet li kienu ġew diskussi bħal jekk għandix tiġi esproprjata l-art u anke dwar xi xogħlijiet oħrajn.

Dwar l-offerti qal li dan il-kumitat kien jevalwa l-offerti minn terzi, kien jiġbor l-arranġamenti kummerċjali biex issir it-transazzjoni. It-tim tal-kumitat kien jieħu ħsieb is-servizzi tekniċi li jkunu jvarjaw fuq diversi affarijiet fosthom proprjetà, servizzi ta’ ospitalità u aspetti mediċi tal-konċessjoni.

Mistoqsi dwar kemm kien hemm offerti, Galea qal li ma jiftakax dan id-dettall, iżda jekk jiftakar tajjeb kienu 3 li wrew l-interess, filwaqt li xehed li hu kien ra l-offerta ta’ Vitals biss.

Mistoqsi dwar il-finanzjament mal-Vitals Global Healthcare Galea jixhed li meta ġie ffirmat l-ewwel ftehim hu kien telaq mill-kumitat u ma kienx involut fl-ebda laqgħa mal-banek.

Hekk kif kompliet is-seduta kien imiss lil William Wait l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta biex jagħti x-xhieda tiegħu. Xehed li l-irwol tagħhom kien wieħed amministrattiv. Jgħid li -isteering committee kien imexxi minn David Galea filwaqt li żied li r-responsabilità ta’ Projects Malta kienet tinvolvi deċiżjonjiet relatati mal-art.

Wait ikompli jixhed li l-konsulenti legali tagħhom kien Ganado Advocates and Associates u d-ditta legali Ingliża Beat Consulting.Meta ġie mistoqsi dwar il-kariga ta’ Chariman tal-kumitat, ix-xhud hawn skuża ruħu quddiem il-qorti u qal li kien ta informazzjoni ħażina għax kien is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa fl-irwol ta’ Chairman.

Meta ġie mitlub biex jikkjarifika, Wait qal li “David Galea kien ic-Chairman tal-Contracts Drafting and Negotiating Committee.” Tenna li Projects Malta kienet komposta minn ħames persuni u li ma kinux involuti fl-RFP. Stqarr li Projects Malta ma kellix irwol li tieħu deċiżjonijiet finali iżda kien il-kabinett li jagħmel dan.
Mistoqsi meta sema l-ewwel darba bil-proġett tal-isptaijiet Wait qal li kien fid-diskors tal-baġit tal-2015, filwaqt li reġa’ kkonferma li kien il-kabinett li ħa d-deċiżjonijiet il-kbar b’rabta ma’ dan il-ftehim. Hu rrefera wkoll għal minuti tal-kabinett li kienu juru li l-l-konċessjoni tas-servizzi tas-saħħa kienet ġiet approvata, aġġornament tal-Ministru Konrad Mizzi dwar ir-rilokazzjoni u l-aħħar minuta dwar l-iffirmar tal-konċessjoni.

Xhieda oħrajn li kellhom jixhdu kienu John Valencia u Eman Schembri, iżda d-difiża qalet li r-risposti li kellhom jagħtu dawn fix-xhieda tagħhom kienu diġà ħarġu fix-xhieda preċedenti u għalhek ma kienx hemm bżonn li jerġgħu jisejjħu jixhdu.

Xhud ieħor kien Michel Ganado rappreżentat ta’ PWC li qal li f’Ottubru tal-2014 saru l-ewwel diskussjonijiet ma’ Ram Tumuluri, li kien qed jirrappreżenta lil Bluestone.

“Huma jirreferi għal Tumuluri u PwC Canada, kienu qalulna li kien hemm ftehim bejn l-investitur u l-gvern. Kienu qalulna li kellhom MOU u kellhom tliet xhur biex jissottomettu preżentazzjoni lill-gvern dwar il-pjanijiet ta’ PPP fil-konċessjoni f’Għawdex u f’Malta. Id-data ta’ skadenza kienet f’nofs Jannar,” xehed Ganado.
Seduta oħra se ssir dalgħodu fejn mistennija aktar xhiedha.

Sport