L-Istati Uniti u l-Iran jerġgħu bl-attakki kontra xulxin

Aqra wkoll

Kważi wara xahrejn ta’ waqfien, l-Iran u l-Istati Uniti reġgħu bdew bl-attakki militari kontra xulxin wara li l-forzi Amerikani sparat għal żewġ lanċaturi tar-rokits fuq il-Gżira ta’ Larak, fl-Istrett ta’ Hormuz. Dawn l-ewwel attakk magħrufa tal-Istati Uniti kontra l-Iran mill-aħħar ta’ Lulju ħallew żewġ persuni mejta u tnejn oħra midruba, skont il-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika tal-Iran (IRGC), li wiegħed reazzjoni u kastig.

Il-Kmand Ċntrali tal-Istati Uniti (Centcom) stqarr li ħa azzjoni limitata u preċiża wara li induna li l-Iran kien beda jħejji biex jispara rokits u jpoġġi mini tal-baħar fl-Istrett ta’ Hormuz.

Min-naħa tiegħu, l-Iran qal li wettaq attakki fuq bażijiet militari Amerikani fil-Ġrdan bħala reazzjoni, filwaqt li l-armata tal-Ġrdan qalet li interċettat tmien missili kmieni t-Tnejn filgħodu.

Ix-xandar statali tal-Iran qal li l-armata Iranjana kienet immirat lejn bażi tal-ajru fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE) permezz ta’ drones. Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża tal-UAE ċaħad ir-rapporti li l-Bażi tal-Ajru ta’ Al-Minhad kienet ġiet attakkata u ddeskriva r-rapporti bħala bla bażi.

L-attakk mill-Istati Uniti huwa l-ewwel wieħed kontra l-Iran minn meta l-President Donald Trump issospenda kampanja militari lejn l-aħħar ta’ Lulju.

Il-Gżira ta’ Larak tinsab eżatt ‘il barra mill-kosta tal-port ewlieni ta’ Bandar Abbas u tinsab proprju fuq l-Istrett ta’ Hormuz, rotta marittima vitali għat-tbaħħir globali. Qabel ma faqqgħet il-gwerra, madwar 20% taż-żejt u tal-gass naturali likwifikat tad-dinja kienu jgħaddu minn hemm.

Minn mindu beda l-kunflitt fi Frar, l-istrett prattikament ingħalaq, u dan wassal għal varjazzjonijiet kbar fil-prezz taż-żejt fis-swieq dinjija.

Bħalissa, l-Iran qed jitlob li t-traffiku tat-tankers jgħaddi mill-gżira ta’ Larak għal spezzjonijiet u skont rapporti li xxandru, l-Iran qed jisforza lill-bastimenti jħallsu 2 miljun dollari biex jgħaddu mill-istrett.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Iranjana Tasnim, li hija affiljata mal-IRGC, qalet aktar kmieni li l-attakk fuq Larak twettaq permezz ta’ drones. Sigħat wara, il-midja Iranjana ppubblikat stqarrija mill-IRGC li fiha ntqal li kienet attakkat il-bażijiet Amerikani ta’ King Hussein u al-Azraq fil-Ġrdan b’missili ballistiċi, bħala reazzjoni għall-attakk Amerikan fuq il-Gżira ta’ Larak.

Nhar it-Tnejn, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran  ikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni militari Amerikana fuq Larak, u sostna li l-attakki fuq il-bażijiet fil-Ġrdan kienu jikkostitwixxu “difiża leġittima”.

Aktar tard nhar it-Tnejn, iċ-Centcom ċaħad stqarrija preċedenti tal-IRGC li skontha super-tanker kien laqat mini tal-baħar u ħa n-nar waqt li kien qed jipprova jgħaddi mill-Istrett ta’ Hormuz minn rotta mhux awtorizzata mill-Iran.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Iranjana Tasnim ippubblika ritratt li juri bastiment jieħu n-nar, iżda ma identifikax it-tanker u lanqas ma pprovdiet dettalji oħra, inkluż meta ttieħed ir-ritratt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport