Il-mexxej tal-Partit Konservattiv tal-Kanada ħareġ iwissi dwar vjolenza kontra l-Insara wara li knisja storika li nbniet aktar minn mitt sena ilu inqerdet għal kollox wara li ngħatat in-nar apposta minn persuna. Il-knisja ta’ Saint-Simon fil-Peniżola Akadjana, li tinsab fi New Brunswick, ingħatat in-nar u nħarqet il-ġimgħa li għaddiet skont ir-Royal Canadian Mounted Police (RCMP).
L-awtoritajiet intervjenew fuq il-post ftit ħin wara l-4.00 ta’ filgħodu, iżda n-nar kien diġà ħakem parti sostanzjali mill-knisja, li dak il-ħin kienet vojta. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident iżda l-bini storiku nqered totalment.
Gilles Mallet, raġel ta’ 68 sena, ġie arrestat u wara akkużat li qabbad in-nar u ħaraq il-bini apposta, madankollu, l-RCMP ma żvelatx x’kien il-motiv possibbli wara dan l-att vandalu.
Il-knisja ta’ Saint-Simon hija l-akbar knisja tal-injam fi New Brunswick li hija provinċja tal-Kanada li tmiss mal-istat Amerikan ta’ Maine fil-punent-nofsinhar kienet punt ta’ referenza importanti għall-komunità Kattolika tal-lokalità.
Pierre Poilievre, li huwa l-mexxej tal-Partit Konservattiv tal-Kanada u tal-Oppożizzjoni, qal lil mezzi tal-aħbarijiet li diġa “Inħarqu mitt knisja.”
Huwa, filwaqt li qal li l-Insara jistgħu jkunu l-akbar grupp li jispiċċa vittma ta’ vjolenza motivata mill-mibegħda, qal li l-Kanadiżi ta’ kull reliġjon ħaqqhom li jkollhom il-liberta li jemmnu u jqimu fil-paċi.
Preċedentement, Poilievre akkuża lill-politiċi tal-Partit Liberali tal-Kanada – li għandu l-maġġoranza fil-Kamra td-Deputati tal-pajjiż – li warrbu l-kwistjoni tal-vjolenza kontra l-Insara.
F’rapport tal-2025 mill-organizzazzjoni tal-midja konservattiva Kanadiża ġew elenkati 123 każ ta’ ħruq jew vandaliżmu fi knejjes mill-2021 ’l hawn, iżda d-deputat Liberali John-Paul Danko akkuża lill-Konservattivi, illi kienu semmew din iċ-ċifra biex “jirrepetu teoriji tal-konspirazzjoni.”
Skont id-dejta uffiċjali tal-gvern Kanadiż, bejn l-2016 u l-2023 seħħew 463 każ ta’ ħruq volontarju fi stabbilimenti reliġjużi. M’hemmx ċifra li ssegwi speċifikament il-każijiet ta’ ħruq volontarju fi knejjes.
Fl-2024, il-Konservattivi fil-parlament kienu ressqu abbozz ta’ liġi li kien jipprevedi sentenza minima ta’ ħames snin ħabs għal dawk li jinstabu ħatja għall-ewwel darba li taw in-nar lil postijiet ta’ qima, u sentenza minima ta’ seba’ snin għal dawk li jirrepetu r-reat.
Il-proċess ta’ dan l-abbozz waqaf ħabta u sabta f’Jannar tal-2025, wara li l-eks Prim Ministru Justin Trudeau ħabbar li kien se jwarrab u l-Parlament tal-Kanada ġie sospiż waqt li l-Partit Liberali kien qed jagħżel mexxej ġdid.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-abbozz ma reġax tressaq, u mhux ċar jekk hemmx pjanijiet ġodda għalih.


