Ġżirana b’673 djamant insterqet fi Vjenna

Aqra wkoll

Il-pulizija Awstrijaka qed tfittex żewġt irġiel suspettati li serqu ġiżirana tal-platinu ta’ 200 karat, imżejna b’673 djamant, li kienet għall-wiri b’self lil mużew fi Vjenna. Din il-ġiżirana darba kienet proprjetà tal-familja rjali Eġizzjana.

L-awtoritajiet fil-kapitali Awstrijaka ppubblikaw ritratti tas-suspettati, meħuda mill-kameras tas-sigurtà waqt is-serqa mill-Mużew tal-Arti Applikata, (MAK). Dan kollu jingħadd ma’ sensiela ta’ serqiet spettakolari u rapidi minn istituzzjonijiet kulturali Ewropej.

L-irġiel, li ma kellhomx wiċċhom mgħotti, xtraw il-biljetti għall-wirja u wara li daħlu kissru vetrina tal-ħġieġ b’martell waqt il-ħinijiet tal-viżitaturi nhar il-Ħamis wara nofsinhar u ħarbu bil-ġiżirana.

Il-ħallelin ħarbu bil-ġojjellerija f’direzzjoni mhux magħrufa u għaldaqstant l-awtoritajiet qed jitolbu għall-informazzjoni mill-pubbliku. Barra minn hekk, pulizija mxerrdin fiċ-ċentru tal-belt u użaw klieb tat-traċċar biex ifittxu għas-suspettati.

Il-gazzetta “Kronen” irrapportat li l-investigaturi jemmnu li l-irġiel x’aktarx kienu qed iwettqu biċċa xogħol ordinata f’isem grupp kriminali.

Il-MAK stqarr li l-ġiżirana nsterqet minn wirja tal-ġojjellerija li kienet ilha għaddejja minn Ġnju u li kienet tinkludi aktar minn 300 biċċa xogħol tad-disinjaturi Franċiżi Van Cleef & Arpels. 

Id-dokumentazzjoni tal-wirja indikat li l-ġiżirana misruqa kienet tar-Reġina Konsorti Nazli tal-Eġittu. Hija libset dan il-ġojjell fit-tieġ ta’ bintha Fawzia fl-1939 mal-Prinċep tal-Kuruna tal-Iran ta’ dak iż-żmien, Mohammad Reza Pahlavi, li aktar tard sar ix-Xah tal-Iran. Il-ġiżirana nbiegħet minn Sotheby’s fi New York fl-2015 għas-somma ta’ 4.3 miljun dollari.

Il-wirja ġabret flimkien madwar 200 “oġġett uniku u rari” mill-kollezzjoni tal-mużew stess, kif ukoll biċċiet li jkopru l-istorja ta’ 120 sena tad-dar tal-ġojjellerija Pariġina, meħuda mill-kollezzjoni storika ta’ Van Cleef & Arpels.

Żjara gwidata li kienet skedata għal wara nofsinhar tal-Ġmgħa ġiet ikkancellata fuq is-sit elettroniku tal-mużew u l-wirja li kellha tagħlaq fis-27 ta’ Settembru, ingħalqet temporanjament.

Il-mużewijiet Ewropej ġew milquta minn sensiela ta’ serqiet ta’ profil għoli mindu ħallelin daħlu fil-mużew tal-Louvre f’Pariġi matul il-jum f’Ottubru li għadda u ħarbu fi ftit minuti bil-ġojjelli li huwa stmat li jiswew €88 miljun.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport