Raġel akkużat li rreżista bi vjolenza u darab żewġ uffiċjali wara argument f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li darab żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt li dawn kienu qed jippruvaw jikkontrollaw argument f’San Ġiljan.

Nickolai Tabone, mill-Qormi, tressaq il-Qorti b’rabta ma’ inċident fi Triq George Borg Olivier, fl-inħawi ta’ Park Towers f’San Ġiljan.

Il-Qorti semgħet li l-Pulizija ta’ San Ġiljan irċeviet rapport dwar argument serju fl-inħawi u diversi uffiċjali ntbagħtu fuq il-post, fejn allegatament sabu l-argument għadu għaddej. Il-Pulizija ppruvat tikkalma s-sitwazzjoni u tifred lill-persuni involuti. Filwaqt li wħud minnhom ikkooperaw, Tabone allegatament naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija biex jieqaf u jibqa’ lura, u minflok baqa’ jimbotta lill-uffiċjali.

Is-sitwazzjoni allegatament kompliet teskala meta Tabone sar vjolenti hekk kif l-uffiċjali ppruvaw jarrestawh. Żewġ uffiċjali allegatament ġarrbu ġrieħi ħfief waqt l-arrest.

Tabone qed jiffaċċja tmien akkużi, fosthom li aggredixxa jew irreżista bi vjolenza uffiċjali tal-Pulizija waqt il-qadi leġittimu ta’ dmirijiethom, li insulta jew hedded uffiċjali tal-Pulizija, kif ukoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq tnejn minnhom waqt l-inċident.

Huwa jinsab akkużat ukoll li naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi mogħtija minn uffiċjali pubbliċi, li fixkel jew ostakola lill-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, li kien fis-sakra sal-punt li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, u li kiser il-paċi pubblika.

Tabone qed jiġi akkużat ukoll bħala reċidiv u li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti mill-Qorti fl-2022.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, filwaqt li argumentat li kien għad fadal diversi xhieda li jridu jixhdu, fosthom persuni li jiġu mill-akkużat. Il-Prosekuzzjoni qajmet ukoll dubji dwar kemm Tabone huwa affidabbli biex josserva kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.

Id-Difiża argumentat li parti sostanzjali mill-inċident inqabdet fuq il-bodycams tal-Pulizija, u għalhekk ħafna mill-provi relatati mal-inċident kienu diġà ġew ippreservati. Sostniet ukoll li l-allegat ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jiddependi fuq jekk l-akkużi l-ġodda jiġux ippruvati u għalhekk, f’dan l-istadju, dan ma kellux iservi bħala bażi biex il-ħelsien mill-arrest jiġi miċħud.

Il-Qorti ntqal ukoll li l-persuni l-oħra involuti fl-inċident kienu ġew identifikati, u għalhekk il-Pulizija setgħet tieħu l-verżjoni tagħhom ta’ dak li seħħ.

Il-Qorti eventwalment ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li osservat li din ma kinitx l-ewwel darba li Tabone allegatament kien involut f’konfronti simili mal-Pulizija. Il-Qorti osservat li huwa ma rnexxilux iżomm ’il bogħod minn sitwazzjonijiet bħal dawn u esprimiet dubji dwar l-affidabbiltà tiegħu li josserva kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċjali tal-Pulizija involuti.

L-Ispettur Nigel Buhagiar mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Eman Scicluna dehru għall-akkużat. Il-Maġistrat Monica Vella ppresediet il-każ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport