L-istorja f’dawl differenti fir-Rabat u l-Imdina

Aqra wkoll

Museums by Candlelight jirritorna fir-Rabat u l-Imdina nhar is-Sibt, 19 ta’ Settembru, bl-aħħar edizzjoni tiegħu għal din is-sena, fejn il-pubbliku huwa mistieden jesperjenza tliet siti storiċi f’atmosfera maġika wara li jaqa’ d-dlam.

Mis-7:00 p.m. ’il quddiem, bl-aħħar dħul f’nofsillejl, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesploraw id-Domvs Romana, il-Katakombi ta’ San Pawl, u l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali għal €3 biss. Imdawla bit-tnemnim ta’ eluf ta’ xemgħat, it-tliet siti se joffru esperjenza iktar intima u immersiva, akkumpanjata minn mużika live.

Fid-Domvs Romana, il-viżitaturi jistgħu jiskopru kif kienet tgħix familja aristokratika Rumana kważi 2,000 sena ilu. Għalkemm fadal biss ftit mid-dar oriġinali, il-mużajk mill-isbaħ – inkluż dak famuż li juri żewġ ħamimiet jixorbu fiċ-ċentru tal-peristilju – u l-artefatti mirquma tagħha juru biċ-ċar l-istil ta’ ħajja lussuż ta’ dawk li għexu fiha. Dawn it-teżori jinsabu għall-wiri fl-ewwel mużew arkeoloġiku f’Malta mibni apposta għal dan il-għan, li fetaħ fl-1882 u li jintgħaraf faċilment mill-portiku bil-kolonni mad-daħla tiegħu. L-arpista Laetitia u l-vjolinista Stephen Scerri se jkomplu jżewqu l-atmosfera bil-mużika tagħhom, mit-8:00 p.m. sal-11:00 p.m.

Fil-Katakombi ta’ San Pawl, mixja qasira biss ’il bogħod, il-viżitaturi jistgħu jinżlu fis-saltna sotterranja ta’ Pluto. Dawn il-katakombi, fuq xifer il-belt qadima ta’ Melite, huma l-akbar kumpless ta’ ċimiterji Rumani taħt l-art f’Malta u joffru evidenza eċċezzjonali tal-prattiki tad-dfin u r-riti reliġjużi matul il-perjodu Puniku, il-perjodu Ruman, u dak Biżantin. Minħabba l-valur kulturali wiesa’ tiegħu, dan is-sit ftit ilu sar l-ewwel wieħed f’Malta li rċieva l-unur prestiġjuż taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. Il-grupp lokali Skald se jkun qed janima dawn l-ispazji uniċi mit-8:00 p.m. sal-11:00 p.m.

Fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, fil-ġmiel tal-Palazz Vilhena fl-Imdina, il-viżitaturi se jiltaqgħu ma’ esebiti li jkopru miljuni ta’ snin ta’ storja naturali. Fost l-oħrajn, se jkunu jistgħu jaraw kukkudrill tan-Nil mummifikat, ras ta’ kukkudrill fossilizzata li nstabet f’Għawdex u sinna tal-kelb il-baħar abjad ġgant li llum għeb għalkollox. Kathy il-Vjolinista se tkompli ssebbaħ l-esperjenza tal-viżitaturi bid-daqq tagħha matul is-serata kollha.

Fl-istess lejla se jkun qed jittella’ wkoll Rabat Sacrum, organizzat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat mis-6:00 p.m. ’il quddiem, u b’hekk se jkun hemm aktar postijiet ta’ interess miftuħa għall-esplorazzjoni tal-pubbliku. Dawk li se jattendu huma mħeġġa jilbsu ħwejjeġ u żraben komdi, peress li l-avveniment jinvolvi mixi bejn u fis-siti.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw online hawnhekk għall-pubbliku ġenerali u hawnhekk għall-membri ta’ Heritage Malta (bla ħlas), kif ukoll mill-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, u dakinhar stess mal-bieb. Huwa rrakkomandat li jinxtraw minn qabel. Min jixtri biljett ma jistax jingħata flusu lura.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport