Il-musical Little Shop of Horrors se jitella’ fit-Teatru Manoel f’Ottubru

Aqra wkoll

Wieħed mill-aktar musicals klassiċi u distintivi li kiseb status ta’ kult se jkun qed jieħu l-ħajja fit-Teatru Manoel din il-ħarifa, hekk kif Masquerade Malta, b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel, tippreżenta Little Shop of Horrors mit-23 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Novembru 2026.

B’taħlita ta’ kummiedja, rumanz, fantaxjenza u orrur ispirat mill-films B-movie, Little Shop of Horrors ilu għal aktar minn erba’ deċennji jsaħħar udjenzi madwar id-dinja. B’mużika ta’ Alan Menken, magħruf għax-xogħol tiegħu fuq klassiċi ta’ Disney fosthom The Little Mermaid, Aladdin u Beauty and the Beast, u bi ktieb u lirika ta’ Howard Ashman, dan il-musical jgħaqqad mużika indimentikabbli ma’ storja mimlija umoriżmu makabru dwar l-ambizzjoni, l-imħabba u l-konsegwenzi perikolużi ta’ meta tikseb eżattament dak li tkun xtaqt.

Fiċ-ċentru tal-istorja nsibu lil Seymour Krelborn, assistent mistħi u sfortunat f’ħanut tal-fjuri, li ħajtu tinbidel meta jiskopri pjanta misterjuża u mhux tas-soltu. Iżda Seymour ma jdumx ma jiskopri li wara din is-sejba straordinarja hemm sigriet inkwetanti: il-pjanta tikber bid-demm tal-bniedem.

Hekk kif Audrey II tikber, Seymour jibda jgawdi minn fama u suċċess li qatt ma kellu qabel, iżda l-aptit dejjem aktar perikoluż tal-pjanta jiġi bi prezz. L-aptit tagħha jsir dejjem aktar diffiċli biex jiġi ssodisfat, u Seymour ikollu jaffaċċja l-mistoqsija ta’ kemm huwa lest jasal ’il bogħod biex jikseb is-suċċess u l-imħabba tal-kollega tiegħu Audrey.

Il-musical jinkludi wħud mill-aktar kanzunetti magħrufa, fosthom bħal Skid Row (Downtown), Suddenly Seymour u Feed Me (Git It), u jgħaqqad mużika ispirata mill-Motown ma’ kummiedja, orrur u karattri memorabbli u mimlija personalità.

Il-produzzjoni tlaqqa’ flimkien tim kreattiv Malti mmexxi mid-Direttur Artistiku anthony bezzina, bid-Direzzjoni Mużikali ta’ Kris Spiteri, Koreografija ta’ Valerie Burke, Disinn tal-Kostumi ta’ Simona Mamo u  Disinn tas-Sett Adrian Mamo u Disinn tal-Ħoss ta’ Sergio Costa.

Fir-rwol ta’ Seymour se naraw lil Luigi Buhagiar, flimkien ma’ Michela Agius bħala Audrey u Karl Bartolo bħala Audrey II. Fil-kast insibu wkoll lil Francesco Nicodeme bħala Orin, Rachel Fabri Camilleri bħala Crystal, Natassja Chapman bħala Chiffon, Abigail Maria Zarb bħala Ronette, Max Dingli bħala Mushnik, u Miguel Rosales bħala parti mill-ensemble.

Ibbażat fuq il-film ta’ Roger Corman, bi screenplay ta’ Charles Griffith, Little Shop of Horrors bena udjenza internazzjonali leali sa mill-ewwel produzzjoni teatrali tiegħu, grazzi għat-taħlita mhux tas-soltu ta’ umoriżmu, orrur, mużika memorabbli u pjanta dejjem aktar bil-ġuħ fil-qalba tal-azzjoni.

Bit-taħlita tiegħu ta’ rumanz, kummiedja, orrur u kanzunetti magħrufa, din il-produzzjoni se toffri lill-udjenzi Maltin l-opportunità li jesperjenzaw dan il-musical kult fl-ambjent storiku tat-Teatru Manoel.

Għal aktar informazzjoni u biljetti żur www.teatrumanoel.mt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport