Iqum sens ta’ eċitament meta jitħabbar li saret din jew dik is-sejba arkeoloġika li tpoġġi aktar dawl fuq l-imgħoddi mbiegħed tal-bniedem. Dan kemm jekk dat-tagħrif jikkonċerna x’ġara f’Malta eluf ta’ snin ilu, kemm jekk ikun fuq skala dinjija meta l-bniedem kien għadu qed jinbidel biex isir bniedem.
Ir-realtà hi li l-passat imbiegħed tal-ġens uman hu aktar misterjuż mill-futur tiegħu. Tal-aħħar ma nafuhx imma għad isir magħruf. Tal-ewwel mhuwiex magħruf u żgur li ħafna minnu se jibqa’ minsi. Għalhekk, kull biċċa mill-imgħoddi li ssir magħrufa aħjar, hi imprezzabbli. Tagħtina aktar informazzjoni siewja dwar minn aħna, minn konna jew stajna inkunu. Mingħajr din l-informazzjoni minsija, limitata kemm hi limitata, diffiċli tagħti tifsira għall-eżistenza tal-bniedem.
BERLAYMONT
Il-pjazza ċentrali Schuman fi Brussell dominata mill-binja Berlaymont tal-Kommissjoni Ewropea tinsab maqbuda f’kontroversja. Kienu nbdew xogħlijiet kbar biex ibattluha mit-traffiku dejjem għaddej fiha u jagħmluha post li qiegħed hemm għan-nies mhux għat-traffiku; hekk intqal. Sa sentejn u nofs ilu meta kont għadni nitla’ Brussell kważi kull ġimgħa, ix-xogħlijiet kienu mistennija li jwasslu għal dil-perspettiva ġdida.
Illum jidher – minn rapporti fil-medja – li l-bidliet li tħasslu, spiċċaw se jkunu wisq ta’ piż. Struttura li kellha titpoġġa f’nofs il-pjazza mhiex se ssir: tqum wisq. It-tneħħija ta’ siġar mill-inħawi minħabba l-proġett qajmet ilmenti. Ħafna issa qed jgħidu li t-traffiku fil-pjazza qatt ma kien problema, għax il-vetturi dejjem għaddew minn hemm bla wisq diffikoltà.
Għal xi ħadd ġej minn Malta, il-mod kif fil-Belġju jitwettqu l-proġetti publiċi jew privati ta’ bini dejjem ipprovda ċertu faraġ għal kif naraw dawn l-affarijiet jitwettqu fostna.
IS-SĦANA
Kienet u għadha qalila. Il-pronostki kollha jiggarantulna li hekk se tibqa’ għas-snin li ġejjin. Anzi se tiżdied. Dan se jfisser li biex jieħdu n-nifs u ma jispiċċawx inkaljati, aktar u aktar nies se jaraw kif jagħmlu biex jgħixu b’temperaturi aċċettabbli fi djarhom u kull fejn ikunu.
It-tmexxija tal-Enemalta stqarret kemm tinsab imgħaġġba biż-żieda enormi fit-talba għall-enerġija għax in-nies qed tagħmel minn kollox ħalli tiffriska. Minn kull ma nisimgħu dwar it-tibdil fil-klima, iċ-ċansijiet huma kbar li dit-talba għall-enerġija tibqa’ tikser kull rekord.
Fl-istess ħin, l-istess għafsa tar-raġġi tax-xemx kull fejn nimxu tipprovdi sors “irħis” ta’ enerġija. Mhux dejjem qed jinqabad u jintuża biżżejjed. Wasal iż-żmien forsi li jidħlu miżuri qawwija ħalli kull fejn l-enerġija tas-sħana qed tinżel, ikollna ħafna aktar milli għandna diġà, panelli jew inġenji oħra lesti biex minn dis-sħana li qed toħnoqna, noħolqu l-enerġija li tiffriskana kontriha.
