Saturday, June 27, 2026

L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-gżejjer u għaż-żoni kostali — pass importanti għal Għawdex u Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda għal konferenza ta’ livell għoli f’Ċipru organizzata mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Presidenza Ċiprijotta, liema konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela. Waqt din il-konferenza bit-tema “Strengthening islands and coastal communities of the European Union” ġiet diskussa u spjegata l-istrateġija l-ġdida li għandha l-Unjoni Ewropea għall-gżejjer u għal żoni kostali.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “Din hija strateġija li bħala pajjiż u bħala gżira ilna wkoll nesiġu għaliha, ilna naħdmu sabiex tidħol ukoll fis-seħħ, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tindirizza b’mod aħjar ir-realtajiet differenti b’mod speċjali tal-gżejjer madwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll taż-żoni kostali. Huwa ta’ sodisfazzjon li l-Kummissarju Ewropew Raffaele Fito anki meta ġie fil-gżira Għawdxija kien tkellem dwar dan u qegħdin naraw ix-xogħol miexi u issa nħarsu ’l quddiem ukoll sabiex jiġi implimentat.”

Huwa kompla jgħid li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba mhux biss bħala Unjoni Ewropea inġenerali iżda aktar minn hekk, għal diversi gżejjer u żoni kostali li jridu jiġu indirizzati l-esiġenzi tagħhom, skont il-partikolaritajiet li jeżistu f’tali żoni bħal Malta u Għawdex.

Din il-konferenza laqqgħet flimkien Mexxejja Ewropej, Ministri, policymakers, awtoritajiet tar-reġjuni u tal-gżejjer kif ukoll stakeholders sabiex tnediet il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea li ġiet addottata għall-gżejjer u għaż-żoni kostali.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li jħares ’il quddiem sabiex permezz ta’ ħidma konġunta, anki min-naħa tal-Unjoni Ewropea, din l-istrateġija tiġi implimentata u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ gżejjer bħalma huma Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport