Friday, April 19, 2024

L-MHRA tilqa’ l-aħbar li r-restrizzjonijiet se jitneħħew dalwaqt

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet l-aħbar li tħabbret aktar kmieni llum mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn qal li l-ġimgħa d-dieħla se jiġi żvelat il-pjan biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li hemm fis-seħħ bħalissa. 

Fi stqarrija, L-MHRA qalet li l-lukandi u r-ristoranti huma ħerqana li jiftħu l-bibien tagħhom mingħajr ebda restrizzjoni.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm bosta sfidi minħabba diversi lockdowns, iżda jemmnu li din id-darba se tkun differenti, filwaqt li qal li se jkomplu jaħdmu mill-qrib mal-ogħla awtoritajiet biex jiffukaw fuq is-soluzzjonijiet.

L-MHRA tenniet mill-ġdid li rridu nitgħallmu ngħixu bil-Covid, u li fi kliemha issa jista’ jissejjaħ bħala xi ħaġa endemika.

Qalet li l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità ma tistax terġa’ lura għall-lockdowns u għalhekk il-Gvern irid jimpenja ruħu mas-settur dwar soluzzjonijiet biex jiġi stabbilit mill-ġdid l-operat tagħhom b’mod sostenibbli kemm jista’ jkun malajr. 

Qalet li hekk kif qed niffaċċjaw dan ir-ritorn għan-normalità, jinsabu konxji li l-lukandi u r-ristoranti tagħna xorta se jkunu qed jiffaċċjaw diversi sfidi u għalhekk se jkun meħtieġ l-appoġġ. 

Zahra qal li s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-klijenti se tkompli tkun ta’ importanza kbira għalihom, u qal li issa jistgħu jieħdu ftit soliev hekk kif il-Gvern qed jagħraf il-ħtieġa li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet fl-iqsar żmien possibbli.

Sport