”L-istandards doppji tal-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola komplew joħorġu aktar fil-beraħ.” Dan kien il-kliem tal-MPE Laburista Alex Agius Saliba wara li waqt żjara f’Ateni matul dawn l-ahhar jiem, Roberta Mestola ma ddejqitx tiddefendi u tfaħħar lill-Prim Ministru Nazzjonalista Grieg Kyriakos Mitsotakis.
L-MPE Laburista sostna li wara li l-istess Roberta Mestola għamlet kruċjata wara l-oħra kontra pajjiżna fejn saħanistra rrifjutat li tieħu b’idejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, issa ma ddejqet xejn tieħu b’idejn u tindhies mal-Prim Ministru Grieg. Ftit ġimgħat ilu, l-Parlament Ewropew ikkundanna permezz ta’ reżoluzzjoni iebsa ħafna t-tmexxija tal-Prim Ministru Grieg Mitsotakis dwar każjiet ta’ korruzzjoni, ’rule of law’, indħil fl-operat tal-midja indipendenti u saħansitra tapping tal-mobile tal-mexxej tal-Oppozizzjoni Griega. L-operat tal-Gvern Grieg wassal sabiex il-grupp ta’ ġurnalisti nfluwenti Reporters Without Borders staqsa jekk il-Gvern immexxi minn Mitsotakis għandux xi ħaġa x’jaħbi fil-qtil tal-ġurnalist Giorgos Karaivaz. Ir-reazzjoni ta’ Roberta Metsola għar-riżoluzzjoni kienet li l-Parlament għandu jifli stqarrija tal-qorti suprema Griega. Dan jikkuntrasta bil-kbir il-mod kif trattat lil Joseph Muscat, li qatt ma nstab ħati ta’ reat quddiem il-qrati Maltin.
Fl-istess nifs Roberta Mestola kompliet tuża din iż-żjara fil-Greċja u oħrajn simili f’pajjiżi madwar l-Ewropa sabiex tkompli tippromwovi investiment li tixtieq li l-Unjoni Ewropeja twettaq fil-qasam tad-difiża. In-nefqa proposta minn Roberta Mestola tista jiġi ffinanzjat permezz ta’ żieda fit-taxxi mħallsa mill-Maltin u l-Għawdxin, jew inkella billi tingħata prijorita għall-infieq fl-armi qerrieda minflok prijoritajiet oħra fil-budget Ewropew, fost oħrajn fondi allokati għal skop soċjali.
L-MPE Laburista Alex Agius Saliba stqarr ”Ikun jagħmel aktar sens kieku Roberta Mestola tuża l-kariga tagħha sabiex tippromwovi l-paċi u d-djalogu li huwa daqstant bżonjuż fil-kuntest u r-realtajiet ġeo-politiċi li qed iseħħu madwarna.” Agius Saliba qal wkoll li l-istess Metsola ma tgħallmet xejn mill-kritika ħarxa għall-appoġġ bla kundizzjoni li offriet lill-Gvern ta’ Iżrael ftit siegħat biss wara l-bidu ta’ massakru sħiħ kontra l-poplu ċivili Palestinjan.