Friday, November 22, 2024

L-Awditur Ġenerali josserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa fil-ħabs

L-Awditur Ġenerali jikkonferma s-sensiela ta’ riformi li ġabu bidla pożittiva fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), ippreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia studju li għamel fejn ġie evalwat l-operat tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, minn perspettiva strateġika, ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-NAO isemmi kif waqt spezzjonijiet li għamel ġewwa l-Faċilità, osserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa. Fl-istess waqt irrikonoxxa wkoll li riċentament sar titjib notevoli fuq l-infrastruttura tal-ħabs. 

Madanakollu, filwaqt li ġie nnotat li l-istat strutturali tal-Faċilità ġeneralment mhuwiex oġġezzjonabbli, l-NAO xorta identifika xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward li jistgħu jkunu ta’ piż bla bżonn (għalkemm mhux b’mod kritiku) fuq l-esperjenza ta’ priġunerija, li minnha nfisha diġà hija intrinsikament diffiċli. Barra minn hekk, l-Uffiċċju nnota li d-daqs tal-Faċilità huwa limitat ħafna, sitwazzjoni li ntqal li ġġib magħha problemi ovvji, partikolarment fir-rigward ta’ sigurtà, iġjene u privatezza.

Il-verifika wriet kif abbażi taċ-ċifri provduti mill-Aġenzja, l-abbuż tad-droga fi ħdan il-ħabs naqas b’mod konsiderevoli. “Dawn iċ-ċifri juru dik li tista’ titqies bħala sitwazzjoni kkontrollata f’ambjent li huwa konvenzjonalment suxxettibbli għal sfidi f’dan il-qasam.”

L-NAO nnota wkoll li l-leġiżlazzjoni lokali eżistenti ma timponix obbligi suffiċjenti fuq l-Aġenzija fir-rigward ta’ sistema effettiva ta’ rijabilitazzjoni. L-Uffiċċju osserva li l-obbligazzjonijiet stabbiliti bil-liġi rigward aspetti ta’ rijabilitazzjoni huma ftit u inqas b’saħħithom meta kkumparati ma’ oħrajn, b’mod partikolari dawk relatati mad-dixxiplina u s-sigurtà.

L-NAO osserva wkoll li filwaqt li saru sforzi sinjifikanti biex jitfasslu pjanijiet ta’ kura għall-priġunieri ġewwa l-Faċilità, l-inizjattivi ta’ kura u ri-integrazzjoni għadhom mhumiex qed jilħqu lill-priġunieri kollha. 

Permezz ta’ dan l-istudju, l-NAO osserva wkoll li n-numru ta’ uffiċjali korrettivi, kif ukoll ta’ professjonisti inkarigati mill-kura u riintegrazzjoni, żdied matul dawn l-aħħar snin. Minkejja dan, in-numru ta’ nies impjegati ġewwa s-CCF għadu ma laħaqx il-livell stabbilit bħala l-ideali mill-Aġenzija, anki jekk dan Il-livell mhux sostnut minn studju dokumentat b’mod komprensiv.

Filwaqt li l-NAO stqarr li huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika ċentralizzata fi ħdan il-Faċilità, irrikonoxxa l-fatt li ġie ffirmat ftehim ma’ fornitur estern li se jipprovdi lill-Aġenzija b’Offenders Management System. “Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi wkoll li l-Aġenzija bdiet proċess biex il-proċeduri operazzjonali tagħha jiġu żviluppati u dokumentati b’mod uffiċjali.”

B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li laqa’ b’mod pożittiv dan ir-rapport tal-Awditur, filwaqt li tenna li r-rapport huwa xhieda ħajja tal-ħidma li saret fl-aħħar snin. “Xogħolna issa huwa li nkomplu nibnu fuq ’il ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin u nkomplu ndaħħlu r-riformi li se jkunu rakkomandati fil-konklużjonijiet tal-inkjesta li jiena ħtart ftit tal-ġimgħat ilu, ħalli anke fejn hemm meħtieġ aktar attenzjoni, tittieħed azzjoni”. Il-Ministru wassal ir-ringrazzjament tiegħu lill-ħaddiema kollha fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li kienu katalisti sabiex saru tant riformi.

Ġie nnotat kif fir-rapport l-Awditur Ġenerali kien pożittiv għall-aħħar fuq ir-riformi u l-ħidma li saret mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fl-aħħar snin.

Sport