Idea li minnha nħolqot arti minn sempliċi banana mwaħħla ma’ ħajt bit-tape saret famuża madwar id-dinja kollha wara li din inbigħet għal xejn inqas minn €6.01 miljun. Din l-“opra tal-arti” mill-artist Taljan Maurizio Cattelan, ittellgħet għall-irkant f’Novembru li għadda fi New York u nxtrat minn negozjant famuż tal-cryptocurrency Justin Sun li min-naħa tiegħu żamm kelmtu u wara li xtraha, kiel il-famuża banana.
Issa, din l-idea ġiet replikata f’Malta u tinsab fil-ħanut “New Life Bar” fl-Imqabba. Qalilna dan Antoine Farrugia li jmexxi dan il-ħanut li kien ta’ missieru. Wara mewt missieru, Farrugia u ħutu t-tewmin Silvana Callus u Josette Falzon, ħadu f’idejhom it-tmexxija tal-istess ħanut, li minn dak li qalilna Farrugia, huwa l-eqdem ħanut tat-tè fl-inħawi.
“L-istorja tad-Duct Tape Banana oriġinarjament bdiet f’ikla ġewwa M’Xlokk fl-okkażjoni ta’ għeluq snin ħabib tagħna. Tawh din il-banana fi gwarniċ bħala ċajta… Ovvjament tajnih rigali oħra,” spjega Farrugia.
Huwa elabora li, “peress li fil-ħanut tax-xorb tagħna nippromwovu l-arti, iddeċidejna li nġibuha fil-ħanut… Dan biex inkomplu biċ-ċajta. Fuq kollox din id-Duct Tape Banana qajmet putiferju sħiħ fid-dinja tal-arti moderna”.