Tuesday, April 21, 2026

L-RMYC Winter Series by Beneteau Tintemm fuq nota tajba għal Kixx Me u Forever 25

Aqra wkoll

L-RMYC Winter Series by Beneteau waslet għal konklużjoni eċċitanti s-Sibt wara nofsinhar, bl-aħħar tellieqa tas-serje ssir madwar il-Munxar. Bil-possibbiltà ta’ “discard” fis-seħħ, diversi klassifiki setgħu jinbidlu, u dan ħoloq finali ferm interessanti.

Fil-Klassi IRC, L’Artista ta’ Anthony Calleja kienet f’posiżżjoni li tirbaħ l-overall iżda ħsara li ġarrbet aktar kmieni fix-xahar impediet milli tieħu sehem fit-tellieqa finali — u b’hekk infetħet it-triq biex Kixx Me ta’ Luis Azzopardi tieħu r-rebħa overall tal-klassi IRC. Kixx Me kisbet it-tieni post is-Sibt biex telgħat fil-quċċata tal-klassifika b’11-il punt.

Bl-istess numru ta’ punti kien hemm Pippus ta’ David Anastasi, li spiċċat fit-tielet post fit-tellieqa finali. TonTon Laferla ta’ Jonathan Gambin għal darb’oħra kisbet rebħa,  iżda kellha tikkuntenta bit-tielet post overall wara li ma ħaditx sehem fl-ewwel żewġ tlielaq tas-serje.

Fil-Klassi RMYC Club, Sophie’s Choice ta’ Dennis Gatt rebħet it-tellieqa finali, b’Exaltor ta’ Ali Namli tispiċċa fit-tieni post u Thunder Child ta’ Matthew Zarb Cousin tikkompleti l-podju fit-tielet post. Ir-raba’ post għal Forever 25 ta’ Martin Kunath kien biżżejjed biex jiggarantixxi r-rebħa overall tas-serje, b’żewġ punti biss vantaġġ fuq Thunder Child, filwaqt li Exaltor spiċċat fit-tielet post overall.

“L-RMYC Winter Series by Beneteau kienet bla dubju waħda mill-aktar Serje kompetittivi li qatt rajna, b’flotta li laħqet 19-il jott tul is-serje kollha. Issa nħarsu ’l quddiem biex inżommu dan ir-ritmu għat-tlielaq li ġejjin,” qal Adrian Gauci Borda, Rear Commodore (Sailing).

L-RMYC irringrazzja lil Mediterranean Yacht Sales, rappreżentanti esklussivi tal-marka Beneteau f’Malta, għall-appoġġ tagħhom.

It-tellieqa li jmiss fuq il-kalendarju tal-RMYC ser tkun il-Paymix Pro Ragusa Weekend li ser ssir bejn l-1 u t-3 ta’ Mejju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport