Tuesday, November 26, 2024

“L-unika manifest tal-PN huwa l-inkjesta”- Il-PM

Aqra wkoll

Filwaqt li l-Partit Laburista ilu jiem li ppubblika l-manifest għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, min-naħa l-oħra l-unika manifest li għandhom il-Partit Nazzjonalista huwa l-baħħ u l-inkjesta tal-Vitals.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela enfasizza dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ONE Radio fejn għal darba oħra appella għall-kalma u biex ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjoni, dan sabiex inkomplu nippreservaw dak kollu li jgħaqqadna bħala poplu.

Meta rrefera għall-istat li fih jinsab il-Partit Nazzjonalista llum, Dr Abela qal li għandna Oppożizzjoni illi la għandha viżjoni u wisq inqas direzzjoni ta’ fejn trid tieħu lill-pajjiż. Għaldaqstant, huwa qal li dak il-vojt il-PN qed jipprova jimlieh b’“inkjesta, inkjesta, inkjesta.”

Il-Prim Ministru semma wkoll li periklu ieħor kbir li qed jerfa’ rasu huwa li għandek partit fl-Oppożizzjoni li fi kliemu “qed jipprova jinduċi lin-nies” f’li jitilqu l-kalma jew f’li jaqgħu f’xi forma ta’ provokazzjoni. Tattika, kompla jgħid Dr Abela, li hija waħda perikoluża ħafna.

Madankollu, il-Prim Ministru nnota li r-riċetta tas-suċċess għal dan il-pajjiż kienet illi dan il-Gvern ġab l-għaqda nazzjonali. “Għidli jekk qattx għadek tisma’ diskors, se nitkellem għan-naħa tagħha, li jdaħħal il-mibegħda bejn in-nies. Aħna mhu se nħallu lil ħadd jagħmel dak id-diskors, jew li jdaħħal firda politika.”
“L-appell tiegħi: ara ma taqgħux f’xi forma ta’ provokazzjoni. Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jitlef il-kalma. Ejja nippriservaw dak li għandna. Dak is-sabiħ u t-trankwillità li għandna f’pajjiżna. Deħlin lejn sajf ta’ turiżmu b’saħħtu. Ma nħallux episodji li jistgħu jtappnu dan kollu,” tenna l-Prim Ministru.

“Gvern li baqa’ mal-poplu”

Fl-istess intervista, il-Prim Ministru saħaq li jemmen li b’kuntrarju għal Gvernijiet oħra, dan il-Gvern baqa’ mal-poplu. Qal li: “tajna s-sostenn kollu li kien meħtieġ. Solvejna l-inġustizzji tal-passat. Dak kollu meta tgħaqqadhom flimkien iġibu l-armonija soċjali. Għalhekk li nemmen li jistħoqqilna l-fiduċja.”

Il-PM sostna wkoll li l-poplu fit-8 ta’ Ġunju għandu l-aqwa għodda f’idejh, l-aktar għodda li l-establishment jibża’ minnha, li huwa l-vot. Kruċjali hi d-deċiżjoni li jerġa’ jkun hemm tiġdid tal-mandat b’saħħtu li kien hemm fl-2022, biex il-Gvern ikun f’qagħda li jimplimenta dawk l-1,000 proposta li jitwieldu mill-manifest Malta Flimkien, li waħda wara l-oħra qed jissarrfu f’ġid għall-poplu.

B’rabta mat-381 kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru qal li dawn kollha għandhom l-istess għan, li jagħmlu bidla fil-lokalità tagħhom. Kien għalhekk li saħaq li dan il-Gvern nieda manifest għal kull lokalità.

Huwa nnota wkoll li diġà kien hemm ħafna li rreġistraw bħala “early voters” u ħeġġeġ anke lil dawk li se jsiefru biex joħorġu jivvutaw. “Dawn huma elezzjonjiet mill-aktar partikolari għaliex qed nitkellmu dwar is-sovranità tal-poplu, jiġifieri dik is-saħħa tal-poplu li jagħżel hu l-Gvern tiegħu, jagħżel hu l-istil ta’ tmexxija li jrid għal dan il-pajjiż.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li “dak li qed noffru huwa ċar. Politika ta’ sostenn. Jeħtieġ mandat b’saħħtu biex inkomplu nimplimentaw il-manifest Malta Flimkien.”

Sport